Il-Kummissjoni Ewropea approvat skema Maltija ta’ 30 miljun ewro biex tappoġġja kumpaniji attivi fl-importazzjoni, fil-manifattura, u fil-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ u prodotti simili oħra.
Dan l-iżvilupp seħħ fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.
L-iskema ġiet approvata fil-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet tal-Għajnuna mill-Istat.
Din l-iskema se toffri għajnuna f’forma ta’ self issussidjat u se tkun miftuħa għall-kumpaniji ta’ kull daqs attivi f’Malta fl-importazzjoni, fil-manifattura, u fil-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ u prodotti simili oħra li huma affettwati mill-kriżi ġeopolitika attwali u s-sanzjonijiet relatati.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet li din l-iskema ta’ 30 miljun ewro se tippermetti lil Malta ttaffi l-impatt ekonomiku tal-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna u tappoġġa kumpaniji attivi fl-importazzjoni ta’ qmuħ u prodotti simili oħra affettwati mill-kriżi ġeopolitika attwali.