L-Unjoni Ewropea se tkun qed tagħti €115m lill-Greċja. Flus li se jkunu qed jintużaw biex jitjiebu l-kundizzjonijet tar-refuġjati li jinsabu fil-pajjiż.
Dawn il-flus se jkunu qed jiżdiedu ma’ dawk li diġa’ hemm fil-fond t’Emerġenza biex b’hekk l-ammont ta’ flus allokati fil-fond tela’ għal mija u tmienja u disgħin miljun ewro.
Il-Kummissarju għal għajnuna umanitarja u mmaniġjar f’każ ta’ kriżi, Christos Stylianides qal li ż-żieda fil-fond hija turija ċara ta’ kemm il-Kummissjoni Ewropea hija kommessa li turi solidarjeta’ iżjed minn qabel u dan biex il-kriżi tar-refuġjati tkun indirizzata aħjar b’kooperazzjoni eqreb mal-Gvern Grieg.
Styliandes qal li ż-żieda fil-fond għandha l-għan li tagħti dinjita’ lir-refuġjatu dan billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom. Styliandes ħabbar dan fil-Greċja flimkien mal-Ministru Grieg għall-immigrazzjoni.
Kien spjegat li l-fondi se jintużaw sabiex jitjiebu l-postijiet fejn jgħixu, l-bini ta’ faċilitajiet aħjar tul ix-xitwa fl-istess waqt li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ sanita. Ir-refuġjati se jingħataw skemi ta’ vouchers li għandhom jghinnuhom biex ilaħqu mal-bżonnijiet bażiċi li jkollha bżonn il-familja. Miżura li se tgħin issaħħaħ l-ekonomija lokali. It-tfal tar-refuġjati se jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u fl-aħħar nett tfal li ma jkunux akkumpanjati se jkollhom trattament speċjali u protezzjoni aħjar.
Intant, il-fond t’emerġenza diġa’ kien ta’ sosten għal organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs u dan f’ħidmiethom biex setgħu għenu lir-refuġjat fil-Greċja.
B’kollox l-Unjoni Ewropea se tkun qed tagħti mal-biljun ewro lil Greċja u dan f’għajnuna biex tkun tista tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni.