Il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Unjoni Ewropea ħa deċiżjoni formali li jagħlaq tliet każi ta’ ksur ta’ liġi Ewropea kontra Malta. Dan wara li saru emendi fil-leġiżlazzjoni lokali.
Fi stqarrija tal-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru ntqal li hekk “Malta tkompli żżomm rekord eċċezzjonali fil-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod li mill-bidu ta’ din is-sena ngħalqu total ta’ sitt ksur.”
L-ewwel ksur infetaħ f’Jannar tal-2014 u kien relatat mal-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment. Id-direttiva konċernata ħtieġet emendi fil-leġiżlazzjoni primarja u t-tieni fl-Investment Services Act u Banking Act.
Id-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien minħabba l-ammont ta’ leġiżlazzjoni involuta. It-tieni ksur infetaħ fuq traspożizzjoni ta’ miżuri dwar it-twaqqif ta’ irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, flimkien ma’ emendi rigward id-direttivi tal-Kunsill, ir-regolamenti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.
L-aħħar ksur ġie sottomess f’Ottubru tal-2014 u kien relatat mas-sistema ta’ monitoraġġ u l-informazzjoni tat-traffiku tal-komunità. Dan kien infetaħ minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li kienet diġà ħarġet Ittra ta’ Avviż Formali. Dan li minkejja li Malta kienet diġà nnotifikat lill-Kummissjoni li t-traspożizzjoni ma kinitx neċessarja. B’hekk, il-Kummissjoni għażlet li awtomatikament tagħlaq dan il-ksur. Il-Ministru tal-Affarjiet Ewropej Louis Grech irrimarka li “Malta hi impenjata li tkompli taħdem biex tagħlaq ksur pendenti oħra”.