Il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan tħabbar wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, żaret il-kapitali Ażerbajġana, Baku, għal taħditiet dwar iż-żieda tal-konsenji tal-enerġija lejn l-Unjoni Ewropea.
Dan il-qbil, li huwa maħsub biex ikabbar l-importazzjoni tal-gass naturali Ażeri għal mill-inqas 20 metru kubiku fis-sena f’temp ta’ 15-il sena, għandu jnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-provvista ta’ fjuwils impurtati mir-Russja.
Von der Leyen iddeskriviet lill-Ażerbajġan bħala sieħeb ewlieni fl-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex ma tibqax tiddependi fuq il-fjuwils fossili Russi.
Intant, fi Brussell qed jikber it-tħassib dwar il-possibiltà li tieqaf għal kollox il-fornitura tal-gass Russu wara li beda jsir xogħol ta’ manutenzjoni skedata fuq il-pipeline Nord Stream 1. Dan wassal biex il-provvista tieqaf.
Ix-xogħol fuq il-katusa tal-gass bejn ir-Russja u l-Ġermanja għandu jibqa’ għaddej sa tmiem il-ġimgħa, imma l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu qal li l-futur ta’ dan il-proġett huwa marbut mas-sanzjonijiet li qed jiġu imposti kontra Moska.
Ir-Russja qed tiċħad li qed tuża l-provvista tal-gass bħala arma kontra l-Unjoni Ewropea, iżda fl-aħħar ġimgħat il-provvisti Russi ta’ dan il-fjuwil lejn l-Unjoni naqsu b’aktar minn 60 fil-mija.