Iċ-ċentru Malti ta’ kordinazzjoni tas-salvataġġ ikkordina salvataġġ ta’ dgħajsa bl-immigranti li telqet mil-Libja u li wara xi jiem fl-ibħra Libjani, daħlet fiż-żona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ.
Din id-dgħajsa bl-immigranti ma ddaħħlitx f’pajjiżna iżda l-immigranti tgħabbew fuq bastiment tas-sajd li ttajjar il-bandiera Libjana.
Fi stqarrija l-Gvern spjega li d-dgħajsa inkwistjoni kienet diġà ilha numru ta’ ġranet f’diffikultà fiż-żona ta’ salvataġġ tal-Libja u mhux dik Maltija.
Il-Gvern Malti rrimarka li l-Unjoni Ewropea kienet taf b’dan tant li waqt li d-dgħajsa kienet wieqfa fil-baħar, fiż-żona ta’ salvataġġ Libjana, għamlet titjiriet permezz tal-ajruplani tagħha, iżda ma bagħtet ebda bastiment biex jiġbor lill-immigranti bejn sema u ilma.
Għal kuntrarju, il-Gvern Malti bagħat il-Forzi Armati ta’ Malta biex b’ajruplan jillokalizzaw id-dgħajsa hekk kif din daħlet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.
Meta d-dgħajsa ġiet lokalizzata mill-Forzi Armati ta’ Malta, wara numru ta’ titjiriet, Malta sejħet xi bastimenti li kien hemm fil-viċin sabiex jassistu.
Fil-fatt, l-immigranti ġew mgħejjuna permezz ta’ bastiment kummerċjali, li ntbagħat fil-post fejn kienet tinsab id-dgħajsa.
Il-bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera Libjana mbagħad għabba lill-immigranti abbord.
Il-Gvern qal ukoll li fl-istess waqt, il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed jikkoordinaw waħidhom erba’ każijiet oħra simili, fl-istess ħin.
Il-Gvern qal li waqt li Malta għadha twettaq ħidma ta’ kordinament f’diversi każijiet ta’ dgħajjes bl-immigranti, il-Gvern Malti jibqa’ jtenni l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tniedi missjoni umanitarja fil-Libja biex in-nies ma jibqgħux jirriskjaw ħajjithom billi jaħarbu minn dan il-pajjiż.
Il-Gvern Malti tenna l-impenn tiegħu kontra t-traffikar tal-immigranti u kontra dawk li qegħdin ikomplu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar irregolari.