Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiltaqgħu llum fi Brussell biex jiddiskutu strateġija konġunta għal negozjati mal-Ingilterra dwar Brexit.
27 pajjiż se jkun preżenti, iżda din id-darba l-Ingilterra mhux se tkun qed tieħu sehem.
L-Unjoni Ewropea se tkun qed tinsisti li se jkun hemm bżonn li jsir progress b’taħdidiet dwar is-‘separazzjoni’ tal-Ingilterra mal-Unjoni Ewropea, dan qabel ma jsiru aktar taħdidiet dwar kif se tkun ir-relazzjoni kummerċjali.
It-taħdidet uffiċjali mhux se jkunu qed jibdew bejn Londra u l-Unjoni Ewropea qabel ma ssir l-elezzjoni ġenerali tal-Ingilterra, dan ifisser żgur mhux qabel it-8 ta’ Ġunju.
F’ittra indirizzata lill-mexxejja tal-EU-27, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li qbil dwar “in-nies, il-flus u l-Irlanda” għandu jsir qabel ma jsiru n-negozjati dwar ir-relazzjoni kif se tkun fil-futur bejn l-UE u l-Ingilterra.
Il-Gvern Ingliż qal li ma jridx li jibqa’ jdewwem il-proċess biex isiru t-taħdidet dwar kif se tkun ir-relazzjoni kummerċjali fil-futur, wara Brexit.
l-Unjoni Ewropea ħarġet abbozz tal-linjigwida dwar Brexit fil-31 ta’ Marzu.
In-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea wrew unità l-Ħamis waqt laqgħa li fiha ġew diskussi l-linji gwida tan-negozjati dwar Brexit.
Il-Kap tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, Michel Barnier, qal li n-negozjaturi “ninsabu magħquda, għandna linja ċara u ninsabu lesti.” Hu qal hekk lill-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa fil-Lussemburgu fejn ministri nazzjonali li huma responsabbli għat-taħdidiet dwar Brexit iddiskutu l-linji gwida għan-negozjati qabel l-adozzjoni formali li se tkun qed issir mill-mexxejja tal-UE waqt is-Summit tal-lum.