Il-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Ġermanja dwar in-nuqqas tagħha li tadotta regoli tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus.
Il-Kummissjoni Ewropea ħadet passi wkoll kontra disa’ pajjiżi Ewropej fil-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus. Dan wara li feġġu bosta skandli f’dawn il-pajjiżi fosthom il-każ tad-Deutsche Bank li skont il-Financial Times ipproċessa aktar minn €31 biljun f’fondi dubbjużi għall-Bank Danske fid-Danimarka .
Il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri kontra l-Ġermanja permezz ta’ avviż formali waqt li l-Belġu, il-Finlandja, Franza, il-Litwanja u l-Portugall irċeview opinjoni biex jiġu konformi mar-regoli Ewropew. Fin-nuqqas ta’ dan jiġu mmultati.
Il-Kummissjoni Ewropea reġgħet wissiet lill-Bulgarija, Ċipru, il-Polonja u l-Islovokkja dwar in-nuqqas tagħhom li jiġu konformi mar-regoli Ewropej.
Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lil dawn l-għaxar pajjiżi biex jaddattaw ir-regoli tagħhom u ngħataw xahrejn żmien biex iwieġbu lill-Kummissjoni Ewropea fil-proċedura dwar il-ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kummissjoin mistennija tieħu passi kontrihom fil-Qorti Ewropea.
Il-kummissjoni kienet tat sas-26 ta’ Ġunju tal-2017 biex il-pajjiżi Ewropej kollha jdaħħlu regoli ġodda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Malta kienet wieħed mill-pajjiżi Ewropej li daħħal u beda jimplimenta din id-direttiva Ewropea u nieda strateġija nazzjonali b’50 azzjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi.