Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, laqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar qafas ġdid ta’ sħubija ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi viżjoni għal patti ambizzjużi dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi li għandhom rilevanza ewlenija fil-qasam, flimkien ma’ involviment ikbar mal-Libja u mat-Tuneżija.
Meta kien qed jitkellem waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-UE għall-Ministri tal-Intern fil-Belt tal-Lussemburgu llum il-Ġimgħa l-Ministru Abela nnota li, jekk jiġu implimentati kif imiss, il-patti dwar il-migrazzjoni se jkunu pass sod fid-direzzjoni t-tajba u jistgħu jagħtu żvolta lill-kollaborazzjoni produttiva mal-pajjiżi minn fejn jitilqu u jgħaddu l-migranti.
Malta kienet minn ta’ quddiem li tellgħet fuq l-aġenda tal-UE l-attenzjoni għall-element estern tal-migrazzjoni bħala fattur ewlieni ta’ mod ħolistiku u sostenibbli kif tiġi ġestita l-migrazzjoni lejn l-Ewropa. F’dan il-kuntest, il-Ministru ddikjara li Malta tappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, u osserva li din tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni li dwaru ntlaħaq qbil fil-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, li saret f’pajjiżna f’Novembru li għadda.
Minbarra l-migrazzjoni, il-Ministri tal-Intern tal-UE indirizzaw ukoll l-isforzi li qed isiru għal koordinazzjoni aħjar tal-isforzi internazzjonali kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità. Dwar dan, il-Kunsill approva pjan direzzjonali li jagħti l-azzjonijiet li jridu jittieħdu biex jitjiebu l-ġestjoni tal-informazzjoni u l-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-Kunsill iddisukuta wkoll it-twettiq tal-Istateġija tal-UE għas-Sigurtà Interna, u wasal għal qbil dwar pożizzjoni għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar proposta maħsuba biex jiġu rregolati aħjar l-armi tan-nar.
Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru Abela kellu wkoll laqgħat mal-Ministri min-Netherlands u mill-Islovakkja, li flimkien ma’ Malta jiffurmaw it-trio prezenti tal-Presidenza tal-UE. Il-migrazzjoni se tkun prijorità speċifika tal-Presidenza Maltija tal-UE fl-ewwel nofs tal-2017. L-għan se jkun li jsir progress tanġibbli fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi sostenibbli u ġusti biex tiġi mmaniġġjata l-migrazzjoni bħala realtà fuq medda twila ta’ żmien.