L-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għadha kemm għamlet ftehim mal-kumpanija Pfizer u BioNTech sabiex il-pajjżi Ewropej jirċievu bejnithom potenzjal ta’ 1.8 biljun doża tal-vaċċin ta’ din il-kumpanija sal-2023.
Dan tħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, fuq Twitter, li qalet kif dan huwa l-ikbar kuntratt li ffirmat l-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet kif dan il-kuntratt jiggarantixxi 900 miljun doża tal-vaċċin, b’għażla li jirduppjaw sa sentejn oħra.
Ursula von der Leyen qalet kif dan se jfisser li l-Unjoni Ewropea se jkollha biżżejjed dożi f’każ li aktar ‘il quddiem irid jingħata booster.
Żiedet tgħid kif dan il-kuntratt se jwassal sabiex il-kontinent Ewropew jevita iżjed milli jinfirex xi varjant tal-virus.
Urusla von der Leyen qalet ukoll kif l-Unjoni Ewropea se tkompli tiffirma aktar kuntratti ta’ tilqim.
Dan il-kuntratt ma’ Pfizer wasal waqt is-summit informali li qed isir fil-belt Portuġiża ta’ Porto.
Ilbieraħ, il-mexxejja Ewropej qablu li l-Istati Uniti u r-Renju Unit għandhom iqasmu iżjed dożi tal-vaċċin u mhux iżommuhom għalihom.