L-aħħar stħarriġ tal-udjenzi tal-Awtorità tax-Xandir wera li l-aħbarijiet ta’ ONE kellhom udjenza li hija t-tripplu ta’ NET News.
L-istħarriġ li sar f’Novembru li għadda mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-Awtorità tax-Xandir, wera wkoll li għall-ewwel darba it-telespettaturi ta’ ONE jagħmlu aktar ħin isegwu l-istazzjon favorit tagħhom minn kull stazzjon ieħor f’pajjiżna inkluż TVM.
F’kull jum tal-ġimgħa, l-aħbarijiet ta’ ONE kellhom udjenza li tiżboq bil-kbir dik ta’ NET News u f’xi ġranet kienet tqarreb ukoll lejn dik tal-istazzjon Nazzjonali.
Fil-fatt, l-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera fost oħrajn li matul il-jum tal-Erbgħa, ONE News kellu udjenza ta’ kważi sitta u sittin elf ruħ waqt li NET News kellu udjenza ta’ ftit aktar minn sbatax-il elf ruħ, disktakk li jqarreb lejn il-ħamsin elf telespettatur.
L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera li bejn it-Tnejn u l-Ħadd ONE News kellu udjenza ta’ fuq it-tliet mija u tmenin elf ruħ waqt li NET News kellu udjenza ta’ mija u tletin elf, distakk ta’ aktar minn kwart ta’ miljun telespettatur.
Tul il-ġimgħa kollha l-aħbarijiet ta’ ONE dejjem jaqbeż sew lil dawk ta’ NET u fi ġranet minnhom, bħas-Sibt ONE News jikseb udjenza ta’ kważi seba’ darbiet aktar minn dik tan-NET.
Dwar l-ikbar ammont ta’ ħin li telespettatur idum isegwi stazzjon, ONE ma qabiż biss lill-istazzjon nazzjonali iżda qabeż sew lin-NET, b’aktar minn dsatax il-punt perċentwal.
ONE Radio mhux b’inqas, hekk kif kiseb l-ogħla udjenzi ta’ persuni li jdumu l-itwal ammont ta’ ħin fuq l-istess stazzjon tar-radju.
Dwar dan, ONE Radio ġab kważi d-doppju tal-istazzjon li ġie fit-tieni post u kważi t-tripplu ta’ Radju Malta.
Hawnhekk ukoll ir-radju tal-Partit Nazzjonalista kiseb ferm inqas, fejn NET FM anki ġie wara stazzjonijiet oħra bħal Radju Marija.
L-istħarriġ li wieġbu għalih elf, mitejn u erbgħin ruħ wera wkoll żieda ta’ 10.5 fil-mija fit-telespettaturi meta mqabbel mal-istħarriġ ta’ Lulju.
L-aktar produzzjonijiet segwiti fuq it-televiżjoni huma l-aħbarijiet, segwiti mid-drama u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.
Wara ONE News, l-aktar produzzjoni segwita hija d-drama Division 7 li wkoll hija l-iktar drama popolari fuq it-televiżjoni Maltija.
Il-programm Pjazza ta’ Karl Stagno Navarra jikseb udjenzi għoljin ferm, fejn l-ogħla udjenza tlaħħaq il-wieħed u erbgħin elf ruħ, ferm aktar mid-doppju tal-aħbarijiet tan-NET.
ONE Breakfast mit-Tnejn sal-Ġimgħa wkoll mar tajjeb u żamm postu bħala l-aktar breakfast show popolari f’pajjiżna fuq it-televiżjoni.
Bħalu għamel hekk il-programm tal-Ħadd filgħodu ta’ Manwel Micallef li janalizza l-gazzetti u jiddiskuti temi kurrenti.
Programmi oħra bħal Espresso, Kalamita, Arani Issa u l-programm sportiv l-Argument ġibdu lejhom l-ogħla udjenzi fil-ħin li jixxandru.
Dan filwaqt li fuq ir-radju l-programm politiċi bħal Temi rreġistraw udjenzi tajbin ħafna fosthom dak tal-Ħamis preżentat minn Daniel Micallef.
Sibt il-Punt fuq ir-radju preżentat minn Manuel Micallef ukoll jikseb udjenzi għoljin, dan filwaqt li l-breakfast show ta’ ONE Radio ta’ Noel Camilleri u l-programm ta’ mużika ta’ Ryan Spiteri jikseb udjenza massima ta’ kważi sitta u għoxrin elf u tnax-il elf rispettivament f’jum partikolari.