L-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera kif l-aħbarijiet ta’ ONE għandhom udjenzi iktar mit-tripplu tal-aħbarijiet tan-NET.
Fl-istħarriġ li sar għax-xahar ta’ Marzu, ONE News jikseb udjenzi b’saħħithom, fejn fi tliet ijiem minnhom jaqbeż it-tmenin elf f’udjenzi u f’jumejn minnhom kważi jilħaq udjenza ta’ disgħin elf fil-ħin tal-bullettin tal-aħbarijiet tas-7:30pm.
L-akbar udjenza għal ONE News tiġi reġistrata s-Sibt fejn l-aħbarijiet jarawhom 88,466.
Fil-jum tal-Ġimgħa l-aħbarijiet ta’ ONE jarawhom 83,055 filwaqt li dawk tan-NET jiksbu biss udjenza ta’ 27,189, li jfisser li l-aħbarijiet ta’ ONE jarawhom iżjed mit-tripplu tan-NET.
Meta tgħodd l-udjenzi kollha matul il-ġimgħa, id-distakk bejn l-aħbarijiet tal-ONE u tan-NET huwa ta’ 322,082.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir juru wkoll xejriet pożittivi għall-istazzjon ONE.
ONE huwa l-aktar stazzjon privat popolari u ġiet wara l-istazzjon nazzjonali fost l-istazzjonijiet kollha.
L-udjenzi ta’ ONE laħqu 17.9% filwaqt li dawk tan-NET kienu ta’ 6.3%, li jfisser li l-udjenza għall-istazzjon ONE hija kważi t-tripplu dik tan-NET.
ONE kiseb ukoll l-ogħla udjenza ta’ nies li jdumu jsegwu l-istazzjon għal ħin partikolari fil-jum tal-Erbgħa fost l-istazzjonijiet kollha.
Intant għal darb’oħra, ONE Radio huwa l-aktar stazzjon tar-radju favorit b’29.3%.
Calypso Radio ġie t-tieni b’14.9% u Radju Malta b’13.9%. Bay Radio u Net FM kisbu 9.2% u 7.3%.
Programmi ta’ ġrajjiet kurrenti bħal Pjazza ta’ Karl Stagno Navarra attiraw lejhom udjenzi b’saħħithom.
Dan il-programm għandu l-ogħla udjenza ta’ 41,845 li jfisser id-doppju ta’ udjenzi f’ċertu jiem ta’ NET News.
Il-breakfast show ta’ ONE Radio fost il-ġimgħa ta’ Noel Camilleri jkollu l-akbar numru ta’ nies jisimgħuh, fejn f’jiem minnhom in-numru tas-semmiegħa jaqbeż il-25,000.
Saħansitra s-Sibt filgħodu ma’ Pierre Borg, ONE Radio jmiss il-31,000.
Sibt il-Punt preżentat minn Manuel Micallef is-Sibt filgħodu jaqbeż it-30,000 fin-numru ta’ semmiegħa.
Il-programm Temi kuljum wara nofsinhar fuq ir-radju ta’ ONE kiseb numri sbieħ, fejn fil-jum tat-Tlieta, il-programm preżentat minn Claudia Cuschieri jirreġistra iżjed minn 23,000.
Manuel Cuschieri l-Ġimgħa wara nofsinhar jaqbeż ukoll it-18,000.
L-istħarriġ juri li fl-eqqel tal-pandemija nkisbu udjenzi kbar fejn in-nies kienu iżjed id-dar u kellhom aktar ċans isegwu l-istazzjonijiet.