Minkejja li pajjiżna qed jimxi ‘l quddiem, anke qabel pajjiżi Ewropej, l-Unjoni Ewropea għandha tgħin biex dan is-suċċess jibqa’ jkun sostnut permezz tal-fondi tal-koeżjoni.
Dan kien is-sentiment li bih il-Prim Ministru Joseph Muscat ipparteċipa għas-Summit Friends of Cohesion fil-kapitali Slovakka, Bratislava.
Dan is-summit iddiskuta t-triq ‘il quddiem fil-qasam finanzjarju għall-Unjoni Ewropea, u ħaseb għat-tfassil tal-budget għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027.
Il-Prim Ministru Muscat qal li l-messaġġ li hemm bżonn insostnu s-suċċess qed jasal ukoll mal-Kummissjoni Ewropea:
“Fil-fatt fl-ewwel abbozz tal-baġit fejn hemm il-prijoritajiet tal-istess baġit, jidher li l-Kummissjoni qed taċċetah dan il-punt u nemmen li ftit ftit se nkunu qed naslu għal għan tagħna”.
Akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropew Aaron Farruiga, il-Prim Ministru kien ċar u saħaq li Malta se timbotta biex l-Unjoni Ewropea tkun l-ixprun tal-bidla, u tassigura li l-ġid jitqassam b’mod ġust:
“Xogħolna huwa li filwaqt li nkunu qed insiru aktar sinjuri bħala pajjiż, li qed noħolqu aktar xogħol u li nikbru aktar huwa li nżommu livell ta’ fondi Ewropej li jkun aċċettabbli u li nkomplu nsostnu t-tkabbir. Il-messaġġ tiegħi jibqa’ pożittiv li nemmen li naslu”.
Preżenti għal dan is-summit kien hemm ukoll il-Kummissarji Ewropej Günther Oettinger u Maroš Šefčovič.