F’kummenti lil-midja internazzjonali qabel il-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Ewropej, il-Ministru Carmelo Abela qal li fid-dawl ta’ Brexit, l-Unjoni Ewropea għandha regoli ċari li għandhom ikunu rrispettati.
Il-Ministru Abela jinsab fil-Lussemburgu biex jiddiskuti l-kwistjoni fil-Libja u l-Migrazzjoni fil-Mediterran mal-kollegi Ewropej tiegħu.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Minstru tenna li l-mexxejja Ewropej iridu jibqgħu fiduċjużi li se jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet dwar Brexit, u li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iridu jifhmu lil xulxin aħjar biex il-proċess tal-ħruġ jiskatta kif xieraq. Huwa saħaq ukoll li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ partijiet hemm bżonn li jkomplu.
Jumejn biss ‘il bogħod minn summit Ewropew li qed ikun deskritt bħala “il-mument tal-verità” għal Brexit, il-Ministru qal li ż-żewġ partijiet iridu jaħdmu flimkien għal ftehim xieraq.
Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin żied jgħid li l-komunità dinjija għandu jkollha “Pjan B” għal-Libja, u li Malta tinsab ħerqana biex fit-12 u t-13 ta’ Novembru tieħu sehem fil-konferenza internazzjonali dwar il-Libja, f’Palermo. Din il-konferenza għandha l-ħsieb li ġġib flimkien il-qawwiet ta’ kontra xulxin u jiġi xprunat proċess ta’ djalogu.
L-Unjoni Ewropea trid mhux biss tkun magħquda fuq pożizzoni komuni rigward il-futur tal-Libja, iżda wkoll titkellem b’leħen wieħed. Biex il-Libja toħroġ mill-isqaq li daħlet fih, hemm bżonn ta’ strateġija komprensiva. Fid-dawl ta’ dan, l-U.E. għandha tqis modi kif tkompli ssostni lir-rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja Ghassan Salamé.
“Aħna grati lejn dawk l-Istati membri kollha li ħadu impenn volontarju biex jirrilokaw lill-migranti li waslu f’territorju tal-UE,” qal il-Ministru Abela. “Din l-esperjenza wriet li l-aktar soluzzjoni ġusta u sensibbli hija s-solidarjetà. Huwa evidenti, madankollu, li l-mod ad hoc li qed naħdmu bih bħalissa rigward l-iżbark u mbagħad ir-rilokazzjoni tal-migranti mhux sostenibbli, u għaldaqstant kwalunkwe prevedibbiltà li jista’ jkollhom dawn il-proċessi tkun merħba biha.”
Filwaqt li saħaq fuq l-importanza tal-EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia biex ikompli jiġi indirizzat il-qsim irregolari fil-Mediterran Ċentrali, il-Ministru Abela nnota li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar tal-migrazzjoni irregolari hija element essenzjali fl-approċċ globali lejn il-migrazzjoni; pilastru sinifikattiv kemm tad-Dikjarazzjoni ta’ Malta tal-2017 kif ukoll tal-Pjan Konġunt tal-Belt Valletta tal-2015. Huwa appella biex isiru aktar sforzi sabiex l-azzjonijiet maqbulin f’dawk il-fora jitwettqu.
Dwar l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni billi ssir ħidma direttament mal-pajjiżi minn fejn jitilqu u minn fejn jgħaddu l-migranti, il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza li jiġi sostnut l-irwol tal-Libja u tal-Unjoni għall-Mediterran f’dan il-proċess. Meta rrefera għall-appoġġ ta’ Malta għall-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika bħala wieħed mir-riżultati konkreti tal-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta tal-2015, huwa ħabbar li Malta, li diġà qiegħda fost l-ewwel għaxar donaturi mill-UE bħala kontribuzzjoni per capita, issa se tagħmel għotja oħra li se tkabbar l-appoġġ ta’ pajjiżna b’45 fil-mija oħrajn. Dan se jagħmel lil Malta wieħed mill-akbar donaturi ta’ dan il-Fond fuq bażi per capita.
Il-laqgħa Ministerjali ffukat ukoll fuq l-aħħar żviluppi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll fuq kif jistgħu jinstabu modi biex fil-Venezwela jerġa’ jinbeda l-proċess politiku, anki flimkien ma’ parteċipanti reġjonali u internazzjonali.
Fil-marġini tal-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, saret Laqgħa mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-Sħubija tal-Lvant li fiha l-Ministri tal-UE ltaqgħu mal-kontrapartijiet tagħhom mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, jiġifieri l-Georgia, l-Ukrajna, il-Molodva, l-Armenja, l-Azerbajġan, u l-Belarussja. Flimkien, eżaminaw fiex waslet l-implimentazzjoni tal-‘20 Riżultat Tanġibbli għall-2020’ hekk kif qed joqrob l-10 annivesarju minn mindu twieldet is-Sħubija ta-Lvant.
“L-20 Riżultat Tanġibbli għall-2020 qed imexxu lis-Sħubija tal-Lvant lejn koperazzoni aktar iffukata u aktar orjentata lejn ir-riżultati, u Malta tibqa’ impenjata li jkollha koperazzjoni b’saħħitha, differenzjata, u li minnha jgawdu ż-żewġ naħat ma’ kull wieħed mis-sitt Sħab tal-Lvant, hu x’inhu l-livell individwali ta’ ambizzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE,” qal il-Ministru Abela. “Madankollu, għad hemm sfidi partkulari, inklużi l-koperazzjoni ġudizzjarja u l-impjiegi għaż-żgħażagħ. Huwa essenzjali li l-parlamenti, il-media, u s-soċjetà ċivili jibqgħu jitħallew jagħmlu l-viġilanza neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-proċess tar-riforma jseħħ f’dawn il-pajjiżi sħabna. Barra minn dan, nappellaw lill-pajjiżi sħabna kollha biex jaħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u permezz ta’ involviment aktar mifrux u għajnuna mmirata lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu man-nies komuni u lejn is-sħab soċjali … Din is-sħubija għandha wkoll tkompli twassal għal riżultati tanġibbli għall-benefiċċju tal-popli tagħna, tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom, u tal-interazzjoni soċjali fost iċ-ċittadini tagħna. Għalhekk, huwa dan il-kuntest u din il-forma ta’ sħubija li Malta se tibqa’ tappoġġja bis-sħiħ.”
Intant, il-Kunsill adotta deċiżjonijiet dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles u ftehim dwar il-protezzjoni tal-investimenti bejn l-UE u Singapor, li huwa mistenni li jiġu ffirmati – flimkien ma’ ftehim ta’ sħubija u koperazzjoni – fil-marġini tal-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa (l-ASEM), li se ssir fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru.
Comment by 🇲🇹 #Malta Foreign Affairs Minister @AbelaCarmelo prior to #FAC @EUCouncil meeting today in #Luxembourg – external aspects of #migration #Libya & the #EU strategy for connecting Europe & Asia on the agenda @MaltaGov @MFAMalta pic.twitter.com/PKtz4SHPiH
— MaltaPermRep 🇲🇹 🇪🇺 (@MaltainEU) October 15, 2018