L-Unjoni Ewropea għandha kriżi istituzzjonali għax la għandha politika komuni u lanqas risposta komuni dwar l-immigrazzjoni. Ma hemmx qbil mill-istati membri tal-UE dwar proposti fuq il-kontroll tal-fruntieri, m’hemmx qbil fuq proposti dwar il-qsim tal-piżijiet tal-immigranti fost l-istati membri tal-UE u ma hemmx qbil dwar politika komuni tal-UE f’dan il-qasam.
Dan qalu Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew fil-programm ta’ Emmy Bezzina ‘Il-Parlament tal-Poplu’ fuq SMASH TV.
“Effettivament din hi problema Ewropea. Illum l-ewwel nippruvaw ma nħalluhomx jibdew il-vjaġġ bil-baħar u mbagħad nippruvaw insalvawhom meta jkunu se jegħrqu. Imbagħad tlieta, erba’ jew ħames stati membri tal-UE jippruvaw iqassmuhom bejniethom, skont id-daqs tal-grupp. Imma dan mhux isir bl-istrutturi tal-UE.”
Il-ftehim ta’ Dublin jgħid li meta immigrant irregolari jew refuġjat jasal f’pajjiż tal-UE u jkun l-ewwel darba li miss siequ mal-art, jibqa’ f’dak il-pajjiż . Issa wasalna fi stadju fejn il-Gvern Taljan qed jgħid ċar u tond li ma jridx aktar immigranti għax ma jistax ilaħħaq magħhom.
“Aħna wkoll qatt ma qbilna mal-ftehim ta’ Dublin għax Malta ma tistax tilqa’ wasliet ta’ immigranti bla limitu fuq il-gżira żgħira tagħna.”
IX-XENGEN
Dr Sant qal li s-sistema tax-xengen qed tagħmilha faċli għall-immigranti li jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor tal-UE, meta skont it-Trattat ta’ Dublin dawn għandhom jibqgħu fl-ewwel art tal-UE li jirfsu fuqha.
“L-Italja qed tagħti karta ta’ identita` lill-immigranti li jaslu f’pajjiżha, l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom u jħalluhom imorru fejn iridu. Dan wassal biex dawn qed jidħlu faċilment f’Malta. Ftit ilu numru ta’ immigranti li nstabu f’post diżutli imma li għalihom kien tajjeb biex jgħixu fih, kienu kollha ġejjin mill-Italja.”
Dr Sant qal li anke Horst Seehofer, il-Mexxej Bavarjan tal-Konservattivi ried jintroduċi kontrolli strinġenti fuq il-fruntieri li jmorru kontra r-regoli tax-xengen. Bis-sistema tax-xengen għadd sostanzjali ta’ immigranti deħlin fil-Bavarja mill-Italja u mill-Awstrija u għall-ewwel darba f’ħamsin sena l-konservattivi qed jibżgħu mill-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt. Il-Kanċillier Merkel irreżistiet il-proposti ta’ Seehofer għax jistgħu jwasslu għall-iżmantellament taż-żona ta’ xengen.
Dr Sant qal li din hija l-problema li għandha l-UE bħalissa. Teżisti wkoll il-biża’ fost ħafna Ewropej li l-Islam ikun akbar mis-sistema Kristjana fl-Ewropa.
“Aħna nħossuha, it-Taljani jħossuha, il-Franċiżi jħossuha, kulħadd iħossha. Din hija sfida Ewropea li ddaħħal fatturi ekonomiċi, soċjali u storiċi. Kif se nużaw il-fondi biex nikkontrollaw dan il-fenomenu? Effettivament kif se jkun hemm politika aċċettata mill-istati membri tal-UE u li tittratta l-problema tal-immigrazzjoni bħala problema Ewropea, jiġifieri li kulħadd jipparteċipa fiha. Għadna ’l bogħod li nsibu soluzzjoni dwar l-immigrazzjoni!” qal Alfred Sant.