L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu S&P tejbet ir-rating tal-Enemalta għal-BB-. Dan ir-riżultat pożittiv jirrifletti l-għajnuna li qiegħed jagħti l-Gvern biex jiżgura li l-kontijiet tal-elettriku għall-konsumaturi f’Malta u Għawdex jibqgħu stabbli.
“Ir-rating tal-Enemalta huwa msejjes fuq l-appoġġ kontinwu u straordinarju li l-gvern Malti qiegħed jagħti lill-kumpanija (Enemalta),” jgħid ir-rapport tal-S&P.
L-Enemalta esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan ir-rating ġdid li, barra li jagħti l-klassifikazzjoni ta’ BB-, jgħid li l-prospetti tal-kumpanija huma stabbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemaltam Jonathan Cardona, laqa’ b’sodisfazzjon l-analiżi pożittivi mill-ekonomisti tal-aġenzija S&P u radd il-ħajr lil ħaddiema kumpanija għad-dedikazzjoni tagħhom fi żmien meta l-kumpanija kellha żminijiet diffiċli minħabba ż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.
“Minkejja l-prezzijiet straordinarji tal-gass, grazzi għal sapport tal-Gvern, l-Enemalta tat spinta lill-programm ta’ investiment għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni biex itejjeb is-servizz tal-elettriku lill-konsumaturi u fl-istess waqt m’għollietx it-tariffi,” qal Cardona. “L-Enemalta hija determinata li tkompli tiżviluppa l-infrastruttura tad-distribuzzjoni talelettriku b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi tagħha.”