L-aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu S&P Global Ratings ikkonfermat rating ta’ A- bi prospetti stabbli għal pajjiżna. Dan jibqa’ l-aqwa livell ta’ klassifikazzjoni li din l-aġenzija tat lil pajjiżna fl-aħħar għaxar snin.
Dwar ir-raġuni ewlenija li wasslet lill-esperti tal-S&P Global Ratings biex jieħdu din id-deċizjoni, huma stess jispjegaw li, minkejja l-impatt immedjat tal-gwerra tal-Ukrajna, jistennew li t-tkabbir jibqa’ b’saħħtu, sostnut minn fondi tal-UE u mill-pjan ta’ rkupru, u minn irkupru gradwali fit-turiżmu.
Filwaqt li jinnotaw li, minkejja li fl-immedjat id-deċizjoni tal-Gvern li jipproteġi lill-familji u n-negozji miż-żieda fil-prezz tal-enerġija se twassal għal spiża akbar, l-esperti barranin jemmnu li l-politika fiskali ta’ pajjiżna se tibqa’ prudenti u li d-defiċit se jonqos fis-snin li ġejjin.
Ir-rapport tal-S&P Global Ratings jindika li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu, speċjalment fid-dawl ta’ investiment u proġetti li mistennija jsiru fl-2024 u fl-2025. Ir-rapport jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll id-deċizjoni tal-FATF fir-rigward ta’ Malta.
L-esperti barranin jirrimarkaw li r-riżultat elettorali mistenni jwassal għal effettività b’saħħitha tal-politika li biha jitmexxa l-pajjiż. Fil-fatt, huma jistennew li l-Gvern se jkompli jkun riformista, speċjalment fejn jirrigwardja t-tmexxija tal-finanzi pubbliċi u l-pjan ta’ reżiljenza u rkupru. Barra minn hekk, huma jemmnu li l-Gvern se jirnexxilu jikkontrolla l-inflazzjoni mingħajr wisq intoppi.
F’rimarki li għamel fil-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li, minkejja l-isfidi internazzjonali, l-S&P Global Ratings huma ċari fit-twemmin tagħhom li l-prospetti tat-tkabbir għal Malta huma b’saħħithom, u li fuq il-bażi tar-riżultati miksubin f’pajjiżna s’issa, il-Gvern se jwettaq aktar riformi u jimmaniġġja tajjeb il-qagħda tal-għoli tal-ħajja. Huwa tenna l-messaġġ li, flimkien, nistgħu nibnu prosperità ġdida.