Permezz ta’ artiklu mill-ekonomista Sandra Zerafa, il-Bank Ċentrali ta’ Malta rrapporta b’mod estensiv dwar ir-riżultati tal-aħħar Survey on Access to Finance, fil-qasir SAFE, stħarriġ mill-Kummissjoni Ewropea b’koperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew is-sena li għaddiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u l-aspettattivi tal-kumpaniji f’pajjiżna.
L-istħarriġ jindika li maġġoranza ta’ 24% tan-negozji qalu li l-bejgħ żdied matul is-sitt xhur ta’ qabel l-istħarriġ. Fl-UE, inqas minn nofs l-SMEs irrapportaw din is-sitwazzjoni bi 11%.
Bl-istess mod, maġġoranza ta’ 28% tal-SMEs f’Malta żiedu l-impjiegi, meta mqabbla ma’ 4% tal-SMEs fl-UE li għamlu l-istess.
Ir-ritmu tas-suq tax-xogħol aċċellera mqabbel mal-2019, meta 22% tal-SMEs f’Malta kienu rrapportaw żieda fin-numru ta’ impjegati.
Maġġoranza ta’ 29% tal-SMEs f’Malta rrapportaw żieda fl-investiment, ikkomparat ma’ 8% biss tal-SMEs madwar l-Ewropa.
Is-sehem tal-SMEs li użaw self bankarju niżel għall-inqas rata rreġistrata matul is-snin. Dan minħabba li l-kumpaniji rrapportaw li kellhom fondi interni biżżejjed biex jiffinanzjaw l-operat tagħhom.
Is-sehem tal-kumpaniji li użaw self mill-banek niżel għal 9% biss f’Malta, minn 17% sena qabel. Dan kien ukoll inqas mis-sehem ta’ 20% irrapportat għall-UE.
Il-proporzjon ta’ SMEs li applikaw għal overdraft bankarju, linji ta’ kreditu jew overdrafts ta’ karti ta’ kreditu kien ta’ 18% fl-2023 u baqa’ taħt il-livell ta’ qabel il-pandemija. Matul l-istess perjodu, 43% m’applikawx minħabba fondi interni biżżejjed.
B’riżultat ta’ dan, il-Bank Ċentrali ta’ Malta kkonkluda li “fejn tidħol i-disponibilità tal-iffinanzjar, ġeneralment dan hu aħjar milli hu fl-Unjoni Ewropea u mistenni jibqa’ tali fil-futur qrib.”
Fl-istess ħin, filwaqt li madwar l-Ewropa l-piż tar-rati tal-imgħax żdied b’mod sinifikanti, f’pajjiżna baqa’ kkontrollat.