Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, l-European Investment Bank Group (EIB and EIF) u l-Kummissjoni Ewropea iffirmaw ftehim biex jiżdied il-finanzjament disponnibbli taħt l-SME Initiative f’Malta.
Farrugia ħabbar li l-SME Initiative ser tiżdied b’€7 miljun oħra li ser ikunu disponibbli għal negozji żgħar u medji. Is-Segretarju Parlamentari Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li wara li l-uptake tal-self garantit mill-SME Initiative qabeż l-aspettattivi u wassal sabiex is-somma oriġinali ta’ €15-il miljun mill-ERDF ġiet allokata kollha, issa ittieħdet id-deċiżjoni li l-ammont ta’ dan l-istrument jiżdied.
Din iż-żieda ta’ €7 miljuni ser twassal għal aktar self ta’ finanzjament għall-SMEs li jammonta għal €22 miljun, li jfisser li aktar SMEs ser jibbenefikaw minn riżorsi Ewropej b’termini vantaġġjużi li jinkludu rati ta’ interess imnaqqsa u inqas rekwiżiti tal-kollaterali.
Huwa spjega li b’din iż-żieda, il-finanzjament ser jiżdied għal €22 miljun li jissarrfu f’total ta’ ċirka €90 miljun f’assistenza disponibbli għall-SMEs u intrapriżi mikro. Farrugia qal li r-riżultati sa issa juru li madwar 500 SME minn 16-il settur ekonomiku differenti ġew assistiti mill-SME Initiative.
Minnhom, 28% ġejjin mis-settur tal-wholesale u r-retail, 16% mis-settur tal-food and beverage, 8% mis-settur tal-manifattura u 5% mis-settur tas-servizzi, kostruzzjoni u akkomodazzjoni. Minn dawn, 47% kienu start-ups u 81% iħaddmu inqas minn 10 ħaddiema.