One News huwa infurmat li l-Għaqda Studenti Demokristjani Maltin (l-SDM) mhux se tikkontesta l-elezzjoni annwali tal-Kunsill tal-Istudenti tal-Junior College għall-ewwel darba kemm ilhom isiru dawn l-elezzjonijiet. L-elezzjoni se ssir se ssir bħal-lum ġimgħa.
Dan l-iżvilupp jikkonferma l-problemi li qed taffaċċja din il-għaqda studenteska, magħrufa għall-affiljazzjoni li għandha mal-Partit Nazzjonalista. Fost l-oħrajn, l-SDM ilha ma tirbaħ elezzjoni fil-Junior College mill-2015. Minn dakinhar ’l hawn, kienet l-għaqda studenteska Pulse li rebħet kull elezzjoni.
Fl-elezzjoni tas-sena l-oħra, il-Pulse rebħet bl-akbar distakk li qatt kien hemm, ta’ ħames mitt vot, f’elezzjoni li fiha jivvutaw madwar 2,000 student tal-Junior College.
Għall-elezzjoni ta’ din is-sena, l-Għaqda Pulse ħabbret it-tmien kandidati tagħha waqt kampanja bit-tema “More to Achieve”.
It-tim tal-Pulse se jkun immexxi minn Jake Muscat, li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni għall-kariga ta’ President, b’Sarah Cachia, Jamie Galea, Jaelle Abela, Kyle Cachia, Maria Kate Abdilla, Aidan Falzon, u Michela Mormina jaħdmu fil-qrib tiegħu.
Fl-assenza tal-kandidati tal-SDM, il-kandidati tal-Pulse mistennija li jitilgħu b’mod awtomatiku f’kull kariga għajr dik ta’ President. Dan għax għal din il-kariga kien hemm sottomissjoni oħra minn kandidat indipendenti.
Il-Pulse tirreaġixxi
Intant, il-Pulse ħabbret li 7 mit-8 kandidati tagħha ġew eletti fl-eżekuttiv tal-Kunsill Studenti Junior College wara li l-SDM ma kkontestax l-elezzjoni għall-ewwel darba kemm ilhom isiru dawn l-elezzonijiet annwali.
L-għaqda Pulse qalet li din id-deċiżjoni tal-SDM hija diżappunt kbir għar-rappreżentanza tal-istudenti, meta wieħed iqis li l-elezzjonijiet tal-KSJC huma magħrufin li jkollhom parteċipazzjoni għolja ħafna meta mqabbel mal-istituzzjonijiet edukattivi l-oħrajn.
Il-Pulse appella lill-istudenti biex, minkejja t-tentattiv tal-SDM biex ixekkel ir-rappreżentanza tal-istudenti fil-Junior College, isemmgħu leħinhom u bħal-lum ġimgħa jivvutaw għall-kandidati tal-għażla tagħhom.