Tkellem dwar l-inkjesta Egrant ukoll il-Ġermaniż Udo Bullmann li huwa l-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.
Fisser kif il-kampanja li saret ibbażata fuq din il-gidba hija ta’ theddida għad-demokrażija, ir-rule of law u timmina l-fiduċja fil-partiti politiċi u l-istituzzjonijiet.
Il-President tal-S&D Bullman qal li jinsab sodisfatt bir-riżultat ta’ din l-inkjesta li wriet l-importanza li wieħed jindirizza allegazzjonijiet ta’ dan it-tip b’mod trasparenti u mhux jippreġudika l-każ.
“Meta esperti forensiċi internazzjonali sabu li l-akkużi kienu bbażati fuq dokumenti foloz huwa allarmanti. Dan juri kemm enerġija kienet investita. Dan juri kemm kienet investita enerġija fuq xi ħaġa falza,” qal il-Ġermaniż Bullman.
Finalment, bħal President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Partit Soċjalista Ewropew, il-President tal-s&D qal li jħares ‘il quddiem li jibqa’ jaħdem ma’ Joseph Muscat.
“Se nibqgħu nappoġġjaw ix-xogħol progressiv tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-ġlieda tiegħu għall-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż,” qal Udo Bullman.