L-outsourcing ta’ servizzi u intervention tas-saħħa lil sptarijiet privati wasslu biex eluf ta’ pazjenti nqdew bl-aħjar mod u b’dinjità, waqt li ġie ffrankat lilhom il-ħin ta’ stennija.
Wara li l-inizjattiva mħabbra fl-aħħar jiem bejn il-Gvern u l-privat għall-kura ta’ pazjenti b’emerġenzi mhux ikkumplikati u t-tfixkil tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, immexxija minn Martin Balzan, b’direttiva lit-tobba f’tentattiv ieħor li tixxekkel ħidmet il-Gvern, ONE News żar l-Isptar privat St Thomas f’Ħal Qormi.
Id-Direttur Ryan Buhagiar spjega magħna kif il-kollaborazzjoni importanti bejn il-Gvern u partikolarment l-Isptar St Thomas bdiet fl-2016 u, minn hemm, bdew isiru b’suċċess numru kbir ta’ operazzjonijiet biex tittaffa l-lista ta’ stennija fuq l-isptar ġenerali.
Intqal li anke waqt il-pandemija tal-COVID 19, fejn l-għajnuna medika kellha tingħata fuq bażi ta’ emerġenza, qdew ’il fuq minn elfejn pazjent.
“Kien ta’ suċċess kbir u offrejna ħafna ħafna relief lis-servizzi tas-saħħa u matul iż-żminijiet kellna aktar inizjattivi, pereżempju, dan l-aħħar il-Gvern ikkuntattjana biex nagħmlu inizjattiva biex nieħdu ħsieb il-kirurġija u s’issa għamilna ’l fuq minn tlett elef operazzjoni fl-aħħar sentejn biss.”
Ryan Buħagiar, Direttur, Sptar St. Thomas
B’rabta mal-kwistjoni tal-MAM, id-Direttur tal-Isptar St Thomas sostna li l-konsultazzjoni relatata ilha għaddejja u issa qed tħalli l-frott tagħha, bil-kontra ta’ dak li qed tibqa’ ssostni l-assoċjazzjoni tat-tobba.
“Li nista’ ngħid għal St Thomas hu li l-Gvern ilu jitkellem fuq din l-inizjattiva mis-sena l-oħra forsi ma ġietx imxandra hemm barra, imma l-ewwel meeting li kellna rigward dan il-ftehim kien f’Jannar tal-2024. Mhumiex affarijiet li jiġru mil-lum għal għada. Minkejja dan, diġà bdejna. Dawn nies setgħu jieħdu sodod f’Mater Dei lil nies b’każi aktar akuti.”
Ryan Buħagiar, Direttur, Sptar St. Thomas
Sadanittant, ONE News tkellem mad-Direttur Mediku Kristen Buhagiar dwar il-kriżi li qed jiffaċċjaw pajjiżi oħrajn fil-qasam mediku, inkluż fl-Ingilterra kif irrapportat minna wkoll.
Bħalissa, fl-isptarijiet ta’ Londra, eluf kbar ta’ pazjenti qed ikollhom jistennew għal sigħat twal ħafna u jinqdew saħansitra minn infermieri fil-kurituri minħabba influss qawwi ta’ nies li qed jirrikorru għall-isptar.
Għal dan ir-rigward, qed jiġi rrapportat li saret il-prassi li l-isptarijiet jagħmlu reklami biex jingaġġaw infermieri bix-xift biex jaħdmu f’dik li ġiet imlaqqma “kura tal-kurituri”.
Dan waqt li, it-Tnejn, il-midja Britannika rrapportat kif ċifri uffiċjali, sabu li man-nofs miljun persuna s-sena l-oħra kellhom jistennew għal medja ta’ 12-il siegħa fuq it-trolleys, waqt li bosta tilfu ħajjithom f’din il-kundizzjoni, minħabba nuqqas ta’ sodod fis-sistema tal-NHS.
F’Liverpool, pazjenti saħansitra kellhom jistennew għal iżjed minn jumejn biex jiġu kkurati mit-taqsima tal-Emerġenza.
Dr Buhagiar saħqet li, bil-maqlub, Malta qed tinvesti u tieħu dawn il-miżuri, inkluż il-ftehim dwar każi mhux serji ta’ emerġenza, biex kull pazjent f’pajjiżna jinqeda bid-dinjità li tixraqlu.
“Hi miżura biex jimmitiga din is-sitwazzjoni, jipprova jevita dawn is-sitwazzjonijiet fejn pazjenti jkollhom jiġu kkurati fil-kurituri mingħajr dinjità.”
Kirsten Buħagiar, Direttur, Sptar St. Thomas
Hawnhekk Dr Buhagiar tat spjegazzjoni ċara tal-proċess biex pazjenti b’ċerti djanjosi mediċi u kirurġiċi jinqdew minn sptarijiet privati.
“Ma jiġix l-isptar privat direttament, Mater Dei hu l-port of call. Iċempel hemmhekk u jmur hemmhekk direttament, jagħmlulu l-assessment, jekk ikun hemm bżonn jiħdulu xi dmijja, jekk ikun hemm bżonn jiħdulu xi X-Rays, imbagħad, mill-emerġenza jaraw jekk dak il-pazjent huwiex tajjeb biżżejjed biex jiġi ttrasferit għal sptar privat.”
Kirsten Buħagiar, Direttur, Sptar St. Thomas
Fil-fatt, Dr Buhagiar tennet li, fl-aħħar jiem, diġà kkuraw erba’ pazjenti li nbagħtu mill-Isptar Mater Dei u fi tlett ijiem ġew ikkurati u ħarġu mill-isptar.
“Il-pazjenti hawnhekk kienu komdi ħafna. Kellna rispons tajjeb ħafna mingħandhom. Anke t-tobba u l-konsulenti kienu kuntenti bl-għażla tal-pazjenti min-naħa ta’ Mater Dei u bil-proċess kif kien, kif kienu trasferiti hawnhekk u anke kif ġew ikkurati hawnhekk.”
Kirsten Buħagiar, Direttur, Sptar St. Thomas