Fir-Rebbiegħa, minkejja kampanja elettorali mimlija negattività minn naħa tal-Oppożizzjoni, il-Maltin ħassewhom iktar ottimisti bir-riżultati li qed jikseb pajjiżna.
Statistika turi kif 86% tal-Maltin qalu li l-ekonomija ta’ Malta sejra tajjeb. Ħamsa fil-mija iżjed minn dak li kienu wieġbu fil-ħarifa li għaddiet.
Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-medja ewropea ta’ sitta u erbgħin fil-mija.
Mistoqsija kif kif jevalwaw il-qagħda finanzjarja fid-dar tagħhom, 87% tal-Maltin qalu li hi tajba, u meta mistoqsija dwar ix-xogħol, kienu 62% qalu li s-sitwazzjoni hi tajba. Riżultati li wkoll huma ogħla mill-medji Ewropej.
Mistoqsija dwar kif jaħsbu li se tkun il-qagħda ekonomika ta’ Malta tul it-tnax-il xahar li ġejjin, 40% tal–Maltin qalu li din se tkun aħjar jew l-istess, jiġifieri tajba.
4% biss qalu li ħażin filwaqt li oħrajn wieġbu li ma jafux.
40% tal-Maltin jemmnu li l-qagħda tal-impjiegi mistennija tmur għall-aħjar,39% jemmnu li se tibqa’ l-istess, u 4%biss jemmnu li se tmur għall-agħar. Il-Maltin imbagħad huma inqas ottimisti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea b’dawn ir-riżultati jinżlu bin-nofs.
Għall-Maltin l-iktar kwistjoni li tħassihombaqgħet l-immigrazzjoni bi 33%. Kwistjoni li tħasseb ukoll lill-Ewropej bi 22%.
Però l-Ewropej huma mħassbin iktar bix-xogħol fejn 29% isemmuh bħala l-ikbar biċċa wġigħ ta’ ras, rata li għall-Maltin hi ta’ 2% biss.
Interessanti kif 19% tal-Maltin jgħidu li mħassba bl-ambjent u r-rata ta’ kriminalità. Intant, il-Gvern Malti baqa’ jgawdi l-fiduċja ta’ 58% tal–Maltin. Xi ħaġa li 30% biss ma jaqblux magħha.
B’hekk il-fiduċja tal-Gvern Malti hi ferm iktar minn dik irreġistrata minn istituzzjonijiet oħra u l-Unjoni Ewropea fost oħrajn.