Dunja Mijatović, rappreżentanta tal-OSCE għall-Libertà tal-Midja, kellha kliem pożittiv ferm dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-midja li ġie ppreżentat mill-Gvern Malti.
“Nilqa’ bosta provvedimenti tal-abbozz ta’ liġi, li, jekk jiġi adottat, joffri iżjed protezzjoni għax-xogħol ġurnalistiku,” qalet Mijatovic wara analiżi li seħħet fuq talba tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
Fil-kummenti tagħha, Mijatović innutat provvedimenti bħad-dekriminalizzazzjoni ta’ ċertu offiżi li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet ġurnalistiċi u l-midja.
U filwaqt li faħħret l-inizjattiva tenniet li d-djalogu mal-Awtoritajiet Maltin se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan biex ikun hemm titjib f’ċertu definizzjonijiet, filwaqt li kkummentat dwar il-protezzjoni ta’ persuni pubbliċi, l-obbligu tar-reġistru għal edituri ta’ siti fuq l-internet, u li l-protezzjoni tas-sors għandha tkun issalvagwardjata.
B’hekk Mijatović ingħaqded ma’ bosta vuċijiet oħra li huma ġeneralment favur l-inizjattivi preżentati fl-abbozz mill-Gvern Malti.
Bħall-Istitut tal-ġurnalisti Maltin li wkoll appoġġja din l-inizjattiva b’xi suġġerimenti, u kontra n-negattività tal-Partit Nazzjonalista. Oppożizzjoni li ħarġet b’mod aggressiv kontra dan l-abbozz.
L-OSCE, li tagħha Mijatović hi rappreżentanta, hija l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u taħdem favur l-istabilità, il-paċi u d-demokrazija. Fiha hemm imsieħba sebgħa u ħamsin pajjiż.