Il-Kummissjoni Ewropea sabet soluzzjoni biex l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni (EUYO) tibqa’ għaddejja bl-attivitajiet tagħha. Dan wara li l-UE kienet iddeċidiet li twaqqaf l-Orkestra f’Settembru minħabba nuqqas ta’ fondi.
Mużiċisti Maltin, li jagħmlu parti mill-Orkestra talbu lil Dr Alfred Sant biex jintervjeni għan-nom tagħhom biex il-Parlament Ewropew ibiddel din id-deċiżjoni. L-Ewroparlamentari ssieħeb ma’ għadd ta’ mużiċisti Maltin fl-20 ta’ Mejju quddiem it-Teatru Rjal, il-Belt Valletta li flimkien ma’ mużiċisti oħra fi bliet Ewropej daqqew l-Innu Ewropew bħala turija ta’ solidarjetà internazzjonali.
https://youtu.be/jxSkFryQKAc
Dak inhar stess, Dr Sant ħa l-inizjattiva biex jiġbor il-firem ta’ Ewroparlamentari oħra minn gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew. Dan biex jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewreopa fuq din il-kwistjoni. Dr Sant staqsa lil Kummissjoni Ewropea li fid-dawl tal-fatt li l-Orkestra falliet fit-tentattiv li tikseb fondi fil-qafas tal-programm ta’ finanzjament tal-UE Ewropa Kreattiva, kellhiex pjanijiet biex tipprovdi sors alternattiv ta’ finanzjament sabiex tiżgura l-għixien tal-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-UE. Tul is-snin l-Orkestra kienet ta’ suċċess billi ġabet flimkien żgħażagħ mit-28 Stat Membru tal-UE biex jesprimu l-unità Ewropea bl-espressjoni mużikali. Il-Mistoqsija Parlamentari ta’ Dr Sant kienet iffirmata minn 23 Ewroparlamentari minn gruppi politiċi differenti fosthom l-Ewroparlamentari Maltin Marlene Mizzi (S&D), Miriam Dalli (S&D) u David Casa (PPE).
Il-Kummissarju Tibor Navracsics qal lil Dr Sant li meta l-Kummissjoni saret taf bil-problemi finanzjarji li kienet għaddejja minnhom l-Orkestra, il-Kummissjoni sabet soluzzjoni li permezz tagħha l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea se tkun tista’ tissokta bl-attivitajiet tagħha. Il-Kummissjoni qalet li qed isserraħ fuq l-impenn tal-Orkestra f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida biex tadatta l-attivitajiet tagħha sabiex jirriflettu aħjar ir-rwol “Ewropew” tagħha u biex ixxerred l-ispirtu Ewropew ta’ libertà, kreattività u ftuħ fl-Ewropa u għall-Ewropa.
Tibor Navracsics qal li għal dawn l-aħħar 40 sena, l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea (EUYO) kienet simbolu tad-diversità kulturali tal-Ewropa. Il-Kummissjoni trid iżżomm ħaj l-ispirtu tal-Orkestra, billi tippermettilha tħarreġ l-aqwa mużiċisti Ewropej fl-Ewropa għall-benefiċċju tat-territorju Ewropew kollu.