Minkejja l-pandemija, noti mużikali ma waqfux jindaqqu. Il-passjoni tagħhom lejn il-mużika sabet mezz biex ikomplu jimmiraw għal livelli għoljin fis-settur tagħhom u fl-istess waqt jaqtgħulna l-għatx.
Dan huwa propju dak li qed tagħmel l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li bħalissa bdiet fuq proġett b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Maltija għall-Films.
Fil-fatt, Gladiator, Midnight Express u Troy huma fost il-films li nħadmu Malta u l-mużika li żżewwaq dawn il-films bħalissa qed tiġi rrekordjata mill-Orkestra Maltija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, l-Mro Sigmund Mifsud fissrilna: “Qed nirrekordjaw soundtracks tal-films li nħadmu Malta u dan qed isir bi skop biex aħna hemm barra nwasslu messaġġ li l-Orkestra tagħna tista’ tiġi kkunsidrata biex nirrekordjaw il-mużika tal-films. Qed naraw mhux dawk il-films li nħadmu Malta biss. Nixtiequ li l-producers jikkunsidrawna biex nirrekordjaw il-mużika tagħhom però jista’ jkun l-Orkestra tagħna tiġi kkunsidrata biex tirrekordja films li ma jkunux qed jinħadmu Malta.”
Mifsud spjega li dan il-proġett ma kienx wieħed faċli biex jittella’ hekk kif l-Orkestra Filarmonika tinvolvi ammont kbir ta’ nies u għaldaqstant kellhom isiru arraġanmenti biex ikunu jistgħu jakkomodaw lill-mużiċisti.
Apparti hekk, l-Orkestra qed jirnexxilha ttella’ diversi produzzjonijiet online bil-parteċipazzjoni tal-mużiċisti kollha.
Mifsud sostna: “Fehmu ċ-ċirkostanza li jridu biex ngħidu hekk, jadattaw għas-sitwazzjoni. Aħna ovvjament nistennew bi ħġarna l-mument li nkunu nistgħu nerġgħu ndoqqu għan-nies però sakemm dan ikun possibbli aħna min-naħa tagħna qed naraw possibilitajiet oħra biex l-Orkestra tagħna mhux biss tkun relevanti għas-settur kulturali imma tkun relevanti wkoll għal pajjiżna.”
Mifsud temm jgħidilna li l-Orkestra bħalissa qed tirsisti fuq numru ta’ proġetti bil-għan li jqanqlu apprezzament għall-mużika b’mod speċjali fost it-tfal.