L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għadha kif temmet tour f’żewġt ibliet fl-Italja, fejn interpretat żewġ kunċerti fi swali prestiġjużi, li huma l-Awditorju Parco della Musica ‘Ennio Morricone’ ta’ Ruma u l-Awditorju Manzoni ta’ Bologna.
Taħt it-tmexxija tad-Direttur Mużikali residenti Michael Laus, l-Orkestra interpretat ix-xogħol ‘Double Concerto for violin and cello’ ta’ Brahms, bis-sehem tas-solisti Carmine Lauri u Erica Piccotti, kif ukoll in-‘Nutcracker Suite’ ta’ Tchaikovsky.
Fil-kunċerti, iżda, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta wkoll interpretat xogħlijiet ta’ tliet artisti kontemporanji lokali – ‘The Forbidden’ ta’ Reuben Zahra; ‘Mesogeios’ ta’ Christopher Muscat; u ‘Crux’ ta’ Josef Bugeja.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Orkestra, Chris Muscat, stqarr li din kienet esperjenza memorabbli b’żewġ kunċerti eċċezzjonali.
“Kien ta’ pjaċir kbir naraw l-udjenza kaloruża fiż-żewġ teatri tilqa’ t-talent kbir li għandna f’Malta. Kemm permezz ta’ mużiċisti bravi Maltin kif ukoll barranin. Id-Direttur Maestro Michael Laus, is-solist Carmen Lauri, li għal din l-okkażjoni ngħaqad ukoll mal-mużiċista Taljana ta’ fama internazzjonali Erica Piccotti, li flimkien mal-orkestra taw żewġ programmi ta’ eċċellenza.”
Is-solist, li jispeċjalizza bi strumenti tradizzjonali, Francesco Sultana qal li din kienet l-ewwel darba li daqqew strumenti tradizzjonali f’teatri ta’ daqstant prestiġji.
“Il-pubbliku, li ġie jarana f’dawn il-kunċerti, kellu ċ-ċans jesperjenza strumenti tista’ tgħid ftit Malti. Esperjenzawhom li huma tlieta żummara li hu tip ta’ klarinett primittiv, l-flejguta l-flawt tagħna bħala nazzjon u kif ukoll ċirimella, li nafuha bħala żaqq. Dawn kollha daqqew f’biċċa mużika waħda miktuba min Christopher Muscat. Din il-biċċa mużika ntlaqgħet tajjeb ħafna. Kien hemm ħafna interess u kurżitajiet min-nies u żewġ kunċerti, jiġifieri marru tajjeb ħafna”.