Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta biex jilqa’ lill-mużiċisti u lill-management wara Tour Internazzjonali Valletta 2018 tal-MPO fir-Russja u fl-Istati Uniti tal-Amerka.
Dawn is-6 kunċerti ġew milqugħa tajjeb ħafna mill-pubbliku u inkludew ukoll standing ovationsf’numru minn dawn is-swali ta’ kunċerti prominenti.
Il-Ministru Bonnici faħħar ix-xogħol tal-Orkestra Nazzjonali u qal li “permezz ta’ dan it-tour, aħna għinna biex nesportaw l-identità mużikali ta’ pajjiżna permezz ta’ spettakli mill-orkestra nazzjonali tagħna waqt li qed noffru aktar motivazzjoni lill-mużiċisti tagħna biex nipprovdulhom esperjenzi importanti ta’ dan it-tip li jdoqqu fi swali daqstant prestiġjużi.”
“Aħna impenjati bis-sħiħ biex inkomplu naħdmu sabiex nipprovdu pjattaforma internazzjonli lit-talent lokali b’mod li s-settur kulturali jkun aktar aċċessibbli u inklussiv filwaqt li nkomplu nsaħħu l-professjonalizzazzjoni,” żied jgħid il-Ministru Bonnici.
It-tour beda permezz ta’ kunċert f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi f’Novembru. Dan ipprovda opportunità unika għall-Orkestra Nazzjonali biex toffri spettakli f’postijiet ta’ prominenza li kienu Carnegie Hall fi New York, Kimmel Centre for the Performing Arts f’Philadelphia, The Music Centre at Strathmore f’North Bethesda, Moscow State Tchaikovsky Conservatory f’Moska u Mariinsky Theatre f’San Pietruburgu.
L-orkestra dejjem tinkludi biċċa xogħol li tkun komposta minn kompożitur Malti meta jkunu qegħdin barra minn pajjiżna u din is-sena l-għażla naturali kienet Joseph Vella li ħalliena fi Frar ta’ din is-sena. Għal ħafna snin, Vella kien il-kompożitur tal-MPO u għal dan it-tour intgħazlet l-aktar biċċa xogħol popolari tiegħu, ir-Rebbieħa. Op.45.
Waqt din iż-żjara mill-Ministru Bonnici, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet għaddejja bil-provi għall-kunċert tagħha li jmiss, Aranjuez, li se jittella’ nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru fit-Teatru Manoel.