L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ffirmat ftehim kollettiv għall-mużiċisti tagħha, u b’hekk se tkompli tibni fuq il-livelli li qiegħda tikseb kif ukoll issahhah f’livelli bla precedent il-karriera ta’ mużiċisti professjonali.
Apparti żieda fil-paga u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar, il-ftehim kollettiv jinkludi wkoll klawżoli li qegħdin hemm biex iħeġġu lill-mużiċisti fi ħdan l-Orkestra Filarmonika biex jipparteċipaw f’inizjattivi lil hinn mill-orkestra, speċjalment fejn hemm ċans ta’ rappreżentazzjoni Maltija fi proġetti individwali.
Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud u l-union tal-mużiċisti. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti.
Il-Ministru stqarr li “dan il-ftehim kollettiv se jagħti l-identità mistħoqqa lill-professjoni tal-mużiċist f’Malta. Wieħed mill-prinċipji għat-tisħiħ tal-kultura tagħna huwa li nżidu l-professjonalità fis-settur u bla dubju dan il-ftehim se jkun ta’ għajnuna kbira biex niksbu dan.”
Huwa ħabbar ukoll li f’Diċembru ta’ din is-sena, l-orkestra se tagħmel id-debutt tagħha fil-prestiġjuż Carnegie Hall.
Filwaqt li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tkun qiegħda tiċċelebra l-50 anniversarju din is-sena, ilha biss orkestra ta’ daqs sħiħ għal 10 snin. Bħalissa timpjega 60 mużiċist full-time, numru li ilu jiżdied bil-mod matul is-snin.
F’dawn l-aħħar snin, l-orkestra kienet qiegħda ttella’ avvenimenti b’aktar frekwenza – attwalment qiegħda tagħmel aktar minn 60 avveniment kull sena – u qiegħda jkollha aktar viżibbiltà kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta wessgħet b’mod konsiderevoli r-repertorju tagħha speċjalment fejn jidħol xogħol li hu aktar ta’ sfida.
Il-ftehim kollettiv ġdid qiegħed ifittex biex jirrifletti r-realtà li qiegħda tinbidel, u biex jiżgura li l-orkestra tista’ tkompli tiġbed lejha mużiċisti ta’ kalibru.
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għandha wkoll l-għan li tħeġġeġ mużiċisti Maltin promettenti biex idawru l-passjoni tagħhom f’karriera full-time, filfatt reċentement, f’dan ir-rigward nediet skema ta’ apprentistat bi ħlas.