Żgur li tiftakruha din il-mużika.
Is-Sibt li ġej għandek terġa’ tissaħħar b’din il-mużika tal-film tant maħbub ta’ Disney, Beauty and the Beast, tindaqq mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bil-film ikun għaddej fl-isfond. Din hija esperjenza għalkollox ġdida fl-ispettaklu lokali li qed iwaħħad il-kunċett taċ-ċinema mal-mużika diretta.
Il-provi għal dan il-kunċert bdew ġimgħa biss qabel l-ispettaklu, bil-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika kellhom x’jomogħdu mhux ħażin!
Sigmund Mifsud iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MPO qal: “Ridna nagħmlu produzzjoni ta’ Disney u għandhom diversi films ta’ dan it-tip. Beauty and the Beast ħassejna li jappella għal kulħadd. Dawk minna li forsi m’għadniex daqshekk żgħar ifakkarna f’tfulitna u t-tfal, bl-aħħar film li sar żgur jiftakruh b’mod partikolari”.
Beauty and the Beast se jkun it-tielet kunċert li fih l-udjenza preżenti se tissaħħar bil-vuċijiet ta’ Kor Malta, il-kor Nazzjonali tagħna, li tnieda lejn l-aħħar tal-2018.
Ray Calleja, membru fil-working group ta’ Kor Malta, spjega li għalkemm il-kor huwa relattivament ġdid, diġà wera li se jagħti l-aqwa produzzjonijiet lill-udjenzi tagħna.
Ray Calleja minn Kor Malta qal: “Kor Malta se jkun qed jibbilanċja ż-żewġ livelli. Il-livell artistiku u professjonali li aħna npoġġu fuq livell professjonali Nazzjonali u Internazzjonali lil dan il-kor. F’każ bħall-kunċert ta’ Beauty and the Beast se tagħmel il-prestazzjoni aktar aċċessibbli għall-eluf ta’ udjenzi tagħna li jħobbu dan it-tip ta’ xogħol”.
Il-kunċert Beauty and the Beast se jsir is-Sibt 16 ta’ Frar fl-MFCC, Ta’ Qali.