Wara s-suċċess li ġab miegħu l-kunċert ta’ Beauty and the Beast u The Lion King Live to Film, il-Malta Philharmonic Orchestra se ttella’ ieħor tal-Pirates of the Caribbean fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Għal dan il-kunċert huma kkonfermati li se jattendu iktar minn 2,600 ruħ.
Il-kunċert se jikkonsisti f’mużika b’kollaborazzjoni kreattiva bejn il-kompożituri Badelt u Zimmer li tista’ titgawda mill-familja kollha.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici ltaqa’ mal-artisti u l-organizzaturi waqt l-aħħar preparamenti ta’ dan l-avveniment, fejn faħħar lit-tim organizzattiv u l-mużiċisti għax-xogħol tajjeb li sar bi preparazzjoni għal dan il-kunċert.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Christopher Muscat qal kif dawn it-tip ta’ kunċerti għall-familja kollha, iqarrbu lill-orkestra aktar lejn is-segwaċi tagħha, sew dawk regolari kif ukoll dawk li mhux dejjem ikollom opportunità li jattendu kunċerti orkestrali fuq bażi regolari.