L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għaddejja b’ħidma sabiex fiż-żmien li ġej tkun tista’ tibda tirrekordja l-mużika għall-films internazzjonali.
Żvela dan iċ-Chairman tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud f’kummenti ma’ One News, fejn spjega wkoll kif fis-sena li għaddiet, il-produzzjonijiet online tal-orkesta laħqu aktar minn ħdax-il miljun persuna f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.
Qal kif, “Ninsabu kuntenti ħafna li l-produzzjonijiet li kellna online laħqu reach ta’ 11-il miljun f’sitta u erbgħin pajjiż differenti u ovvjament anke l-kummentt li kellna minn diversi organizzazjonijiet internazzjonali kienu li l-produzzjonijiet tagħna kienu ta’ livell għoli ħafna. Qed naħdmu biex fil-futur inkunu wkoll involuti fl-industrija tar-recording tal-mużika tal-films.”
Minħabba l-pandemija l-Orkestra kellha tillimita ruħha aktar mis-soltu fuq palk jew teatru quddiem in-nies, iżda l-produzzjonijiet ma waqfux.
Is-Surmast Mifsud saħaq kif iħares ‘l quddiem biex l-orkesta terġa’ tibda ttella’ kunċerti għan-nies.
Spjega, “Nisperaw li s-sitwazzjoni tippermettilna li aħna nkunu f’pożizzjoni li nagħmlu kunċerti live. Pero kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa meta għandek orkestra ta’ 70 ruħ u ġo teatru tista’ ddaħħal mitt ruħ aħna mhux worth it li nagħmlu kunċert għal 10 min-nies.”
Sigmund Mifsud spjega li fix-xhur li għaddew irrekordjaw diversi kunċerti, saħansitra ħarġu silta mużikali bl-isem ta’ Contemporary Colours, li titratta mużika Maltija ta’ kompożituri Maltin. Apparti dan bdiet kampanja ta’ mużika edukattiva li daħlet fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex kollha.