“Id-delikatezza, ir-reqqa u s-serjetà f’kull investigazzjoni, li tkun meħtieġa li ssir, bl-ebda mod m’għandhom ikunu ta’ ostaklu għall-ħeffa biex l-inkjesta titlesta fi żmien raġonevoli.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni wara l-editorjal tal-ġurnal L-Orizzont fil-ħarġa tal-Ġimgħa, hekk kif ittratta l-każ ta’ Jean Paul Sofia, li ddomina d-diskussjoni f’pajjiżna fl-aħħar jiem.
Fil-fatt, l-Editur ta’ L-Orizzont spjega kif jifhem li inkjesta maġisterjali bħal din hi waħda delikata, tant li tinkludi fiha kemm lill-Pulizija u anki lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.
Dan skont, l-Editur jixhed l-importanza li din qed tingħata, madankollu xorta waħda dan ma jistax isir għas-skapitu tal-ħeffa biex tingħalaq din l-inkjesta.
L-Editur, fil-kitba tiegħu, irrimarka kif “il-ġurnal jaqbel mal-Prim Ministru li, bla ma jindaħal fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew fix-xogħol tal-ġudikatura, qed jimbotta biex l-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia titlesta bla aktar dewmien”.
B’hekk mhux biss issir il-ġustizzja ma’ min ħaqqu, imma wkoll jingħalaq dan il-kapitlu traġiku li qanqal mhux biss tant emozzjonijiet, iżda wkoll rikbiet fuq karrijiet politiċi.