“Rieda li ssir ġustizzja u mingħajr tkaxkir tas-saqajn.” Kien dan it-titlu u l-messaġġ ewlieni tal-editorjal tal-ġurnal L-Orizzont fil-ħarġa tat-Tlieta, fid-dawl li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed jaħtar inkjesta separata, skont l-Att tal-Inkjesti.
Dan wara li l-Maġistrat Marsanne Farrugia mill-ġdid talbet estensjoni oħra biex kompla jittawwal l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali.
L-inkjesta l-ġdida se tkun immexxija mill-Ombudsman u Mħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-espert tekniku tal-Qorti l-Perit Mario Cassar.
Fil-fatt, l-Editur ta’ L-Orizzont spjega li l-wegħda tal-Prim Ministru li jimxi l-vjaġġ tal-ġustizzja mal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia hi waħda ċara u kien għalhekk li ddikjara li l-estensjoni l-ġdida mhix aċċettabbli.
Il-fehma ta’ L-Orizzont qablet ukoll mal-pożizzjoni li ħa Robert Abela rigward l-importanza tal-tlestija tal-Inkjesta Maġisterjali biex min jinstab li hu responsabbli għall-akkadut, jitressaq il-Qorti.
L-Editorjal żied jgħid li filwaqt li żamm ma’ din l-pożizzjoni, ikkundanna dak li hu rrefera għalih bħala tkaxkir tas-saqajn biex jitlesta dan il-proċess. Qal ukoll li l-persuni magħżulin biex imexxu l-bord ta’ din l-Inkjesta għandhom il-fiduċja taż-żewġ naħat tal-kamra.
L-Editorjal qal li jħares ’il quddiem għal din l-inkjesta l-ġdida, waqt li jittama li tasal fi tmiemha wkoll l-Inkjesta Maġisterjali biex anke sservi ta’ deterrent u inċidenti simili ma jirrepetux ruħhom.