L-Organizzazzjoni Xellugija Żminijietna faħħret l-inizjattiva li se toffri stabbiltà fil-prezzijiet ta’ madwar 400 prodott tal-ikel fi ħmistax-il kategorija differenti sal-baġit li ġej.
B’din l-inizjattiva li se tidħol fis-seħħ mill-ewwel ta’ Frar, tħabbret il-Ħamis, mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Fil-fatt din l-organizazzjoni sejħet din l-inizjattiva bħala waħda ta’ rieda tajba.
Fi stqarrija, l-organizazzjoni spjegat li diversi ekonomisti ssuġġerixxu li t-tnaqqis l-prezzijiet tal-ikel se jwassal għal stabbilità, affordabbiltà u żieda fil-konsum ta’ dawn il-prodotti.
L-istqarrija kompliet tgħid li fl-aħħar mill-aħħar se jirriżulta f’benefiċċji fit-tul għall-importaturi l-kbar u l-bejjiegħa bl-imnut, b’sigurtà ta’ kummerċ għan-negozji żgħar u medji.
Żiedet tgħid li dan is-sentiment deher ukoll fl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
L-organizzazzjoni qalet ukoll li l-importaturi u l-bejjiegħa bl-imnut fl-Iżvezja, fuq inizjattiva tagħhom stess, investew fit-tul biljun Krona biex ibaxxu l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel regolari lill-konsumatur, minn Marzu sal-aħħar tas-sena. Dan wara li l-kommunità kummerċjali Żvediża, matul is-sena li għaddiet, esperjenzat bejgħ aktar baxx minħabba inflazzjoni għolja.