L-organizzazzjoni tal-proċess sħiħ għall-elezzjoni ġenerali, li saret fis-26 ta’ Marzu, swiet lill-Kummissoni Elettorali ftit aktar minn €8.5 miljun.
Dan joħroġ mir-rapport uffiċjali tal-istess Kummissjoni, li tlesta fl-aħħar jiem u li rrappurtat fuqu l-gazzetta KullĦadd.
L-ispejjeż issa jridu jitqiegħdu quddiem il-Kamra tad-Deputati kif jitlob l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali.
F’din l-elezzjoni kien hemm 340,602 ċittadini li eżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom għall-kandidati ta’ sitt partiti u għal erba’ kandidati indipendenti.
L-akbar parti min-nefqa – kważi żewġ miljun ewro – marret biex jiġu ssussidjati l-vjaġġi tal-ajru pprovduti mill-Air Malta għal 1,952 persuna, bejn votanti u dipendenti tagħhom, biex jiġi jivvutaw. Tliet kwarti minnhom ġew minn Londra u Brussell.
Trasport ieħor, li nkluda l-kiri ta’ vapur tal-Gozo Channel, 174 kowċ u 176 minibus, sewa ftit inqas minn nofs miljun ewro.
Minbarra hekk, iżjed minn €3.6 miljun marru għall-ħlasijiet lil ħaddiema u uffiċjali involuti fil-proċess.
Din kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali li fiha tħaddem l-għadd tal-voti elettroniku, li għalih ġew allokati mal-mija u sittax-il elf ewro €116,000, biex seta’ jittejjeb l-operat tas-sistema li kienet diġà ntużat għall-elezzjonijiet ta’ tliet snin ilu.
Il-gazzetta tirrapporta kif peress li l-elezzjoni saret fi sfond ta’ restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija, l-ispiża nkludiet ukoll nefqa addizzjonali ta’ €331,520.
Fil-fatt, għal dawk il-votanti pożittivi għall-Covid-19, jew li kienu fi kwarantina, twaqqfu tmien ċentri apposta tal-votazzjoni li pprovdew 14-il kamra tal-votazzjoni.
Fil-proċess tradizzjonali kienu nvoluti 115-il post tal-votazzjoni b’741 kamra tal-votazzjoni bejn Malta u Għawdex dakinhar tal-elezzjoni fis-26 ta’ Marzu.
Fid-19 ta’ Marzu, meta vvotaw residenti fid-djar tal-anzjani, il-kummissjonarji elettorali, priġunieri u dawk li applikaw għall-votazzjoni bikrija, kien hawn 38 post tal-votazzjoni b’77 kamra tal-votazzjoni.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Elettorali qalet li ġew assistiti aktar minn għaxart elef u sitt mitt (10,634) persuna; madwar 7,000 inqas mill-aħħar elezzjoni ġenerali.
Intant, fir-rapport il-Kummissjoni Elettorali, qalet li ħadet ħsieb li ġġedded il-kuntratt tal-kirja tal-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar sal-aħħar ta’ Novembru ta’ sentejn oħra, biex ikun żgurat li l-post jintuża għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali li jmiss.