L-organizzaturi tal-Malta Pride 2019, rappreżentati mis-Sur Clayton Mercieca, Community Manager ta’ Allied Rainbow Communities (ARC) u mis-Sur Christian Vincent Jung, President tal-NGO Checkpoint Malta, kellhom laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Tul il-laqgħa id-Deputat Prim Ministru ġie preżentat bil-programm ta’ attivitajet li l-ARC se tkun qed torganizza tul il-Malta Pride Week li bdiet illum u se tibqa’ sejra sal-Ħadd, 15 ta’ Settembru.
Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet tkun il-parata u kunċert, The Malta Pride March & Concert, li se jittellgħu s-Sibt, 14 ta’ Settembru. L-organizzaturi ġew infurmati mill-Ministru Fearne li se jkun qed jattendi għal din l-attività ewlenija tal-programm. Il-parata tibda fil-5 ta’ filgħaxija minn Triq Sarria fil-Furjana, tgħaddi minn ħdejn il-Fosos tal-Furjana lejn Triq ir-Repubblika fil-Belt, u tintemm fi Pjazza San Ġorġ fejn imbagħad jittella’ kunċert li jdum sejjer sal-11 ta’ filgħaxija.
Għall-okkażjoni tal-Malta Pride Week, mal-gallerija ewlenija tal-Ministeru għas-Saħħa ddendel strixxun bil-kuluri tal-qawsalla, sinonima mal-attivitajiet tal-Malta Pride Week.
Ritratt: ODPM/MFH