L-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest ikkundannaw kull tip ta’ abbuż u fastidju fuq l-artisti, b’reazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ Iżrael f’dan il-festival, u ddeskrivew tali abbuż bħala ‘inaċċettabbli’ u ‘totalment inġust’.
Il-festival ta’ din is-sena se jsir fl-Iżvezja f’Mejju li ġej, fost talbiet biex Iżrael ma titħallhiex tipparteċipa minħabba l-gwerra f’Gaza.
Diversi kontestanti ħarġu kontra dawn it-talbiet.
Qed ikun irrapportat li Eden Golan, li se tirrappreżenta lil Iżrael, affaċċjat saħansitra anki theddid fuq ħajjitha.
It-tfajla, li għandha għoxrin sena, irċeviet diversi messaġġi diretti fuq il-profil tagħha ta’ Instagram b’theddid li se joqtluha.