Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, fil-parlament, żvela li l-membri tal-Oppożizzjoni fil-Kummissjoni Elettorali sfruttaw kull punt proċedurali biex ixekklu lill-istess kummissjoni milli tagħmel l-investigazzjonijiet dwar l-iskema pagi PN li ħareġ il-PN.
Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar il-finanzjament tal-partiti, , il-Ministru Bonnici qal li min jemmen fl-indafa, kien jagħti ċ-ċwievet lill-Kummissjoni u jgħidilha biex tmur tqalleb il-karti u tara kemm hu trasparenti.
Il-Ministru tenna li l-Partit Nazjzonalista kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti meta ma ddikjarax lill-Kummissjoni Elettorali flus li rċeviet direttament il-kumpanija Media Link Communications.
Mistoqsi għaliex il-Partit Laburista ma rreġistrax mal-Kummissjoni u jekk dan sarx biex ma jagħtix il-lista tad-donazzjonijiet, il-Ministru Bonnici qal li kien il-Partit Laburista l-ewwel partit li mar jirreġistra iżda l-kummissjoni sabet li fl-istatut ma kienx hemm xi jsir mill-assi jekk il-partit ixolji.
Din se tiġi ndirizzata f’konferenza ġenerali straordinarja fil-ġimgħat li ġejjin u b’mod immedjat il-Partit Laburista jagħti lill-Kummissjoni il-lista tad-donazzjonijiet.
Huwa fakkar li l-organizzazzjoni ewropea li tiġġieled il-korruzzjoni, il-Greco, kienet ilha tiġi wara l-gvernijiet nazzjonalisti biex jagħmlu l-liġi tal-finzjament tal-partit iżda l-PN baqa’ jkaxkar saqajh.
Fost għajjat mill-Oppożizzjoni, partikolarment minn Beppe Fenech Adami, il-Ministru Bonnici qal li wara sentejn jgħajjar lil kulħadd korrott, kien Simon Busuttil li kiser il-liġi. Kien hu personali li kiser il-liġi li rċieva donazzjonijiet aktar mil-limitu stipulat fil-liġi u ħbiehom taħt forma jew oħra. Filwaqt li t-teżorier tal-Partit iddikjara li huwa ma jaf xejn.
Il-Ministru ċaħad allegazzjoni ta’ Marlene Farrugia li l-Partit Laburista għandu t-tġerfix u għalhekk ma tax l-informazzjoni lill-Kummissjoni Elettorali.
“Għaliex Simon Busuttil qed jibża’ mill-verità?” staqsa l-Ministru. Wieġeb lilu nnifsu: “Għax hu falz, mhux serju u mhux onest,” temm jgħid il-ministru Bonnici.