B’referenza għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar l-istrateġija għall-e-Learning, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jerġa’ juri l-apprezzament tiegħu lejn l-edukaturi kollha li anke f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, fil-maġġoranza assoluta tagħhom reġgħu urew is-sens qawwi ta’ vokazzjoni u impenn professjonali favur it-tagħlim u l-istudenti tagħhom.
Il-Ministeru jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ apprezzament li l-Oppożizzjoni reġgħet uriet lejn il-ħidma u l-investiment li sar u li qed isir fis-settur edukattiv, inkluż f’dak diġitali.
Matul l-aħħar snin, il-Ministeru investa miljuni ta’ ewro fi pjattaformi diġitali inklużi għat-tagħlim mil-livell primarju sa dak terzjarju, inklużi fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta, f’interactive whiteboards u f’all-in-one computers f’kull klassi tal-iskejjel kollha tal-Istat, u f’tablets għat-tfal kollha tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt sena tal-primarja. It-taħriġ tal-edukaturi jingħata kull sena u bis-saħħa tal-ftehim settorali l-ġdid, ingħata valur ogħla peress li kull min irid, jista’ jipprogressa minn skala għal oħra f’sitt snin minflok fi tmienja jekk ikompli jitħarreġ.
Il-Ministeru jinnota li, grazzi għall-investiment li sar matul is-snin u l-impenn professjonali tal-edukaturi f’Malta, it-tagħlim online seta’ jsir anke f’din iċ-ċirkostanza straordinarja. Bis-saħħa ta’ dan, Malta ma nqabditx fuq sieq waħda biex tara kif jista’ jingħata t-tagħlim.
Il-Ministeru jkompli japprezza u jħeġġeġ lill-edukaturi biex f’dawn iċ-ċirkostanzi wkoll jibqgħu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom online u lill-ġenituri biex jgħaddu ħin ta’ kwalità ma’ uliedhom.
Fl-istess waqt, il-gvern ifaħħar lill-Istitut għall-Edukazzjoni li nidiet korsijiet online u bla ħlas apposta għall-ġenituri biex dawn ikunu jistgħu jassistu lil uliedhom fit-tagħlim li għaddej bħalissa. Dawn huma miżuri pożittivi li ntlaqgħu tajjeb ħafna minn firxa wiesgħa ta’ nies.