Il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-Oppożizzjoni ma tiflaħx tara riżultati pożittivi jseħħu fil-qasam tas-saħħa u se tibqa’ tirrepeti stejjer ivvintati dwar l-investiment privat ta’ €200 miljun li se jara trasformazzjoni pożittiva għall-ġid tal-pazjenti Għawdxin u Maltin.
F’dan il-proġett, il-Gvern ingħaqad mal-aqwa ismijiet fil-qasam tal-mediċina fosthom Partners Healthcare International li jmexxu t-teaching hospitals tal-Univeristà ta’ Harvard u li għandhom istituzzjonijiet mediċi f’40 pajjiż.
Ismijiet rinomati fil-qasam mediku Malti, bħal Professur u eks–Deputat tal-Oppożizzjoni Albert Fenech u l-ġinekologu Mark Brincat diġà qed ipoġġu fuq il-bord mediku ta’ Vitals Global Healthcare li l-istess Oppożizzjoni tant qed tattakka bl-addoċċ.
Il-Minsiteru qal li huwa ċar li, frott il-bitterness tiegħu, l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ireġġa’ l-arloġġ lura għas-sitwazzjoni tas-saħħa li ħalla warajh fil-leġislatura li għaddiet. Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli miexi ’l quddiem fid-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu biex titwettaq il-bidla meħtieġa fil-qasam tas-saħħa biex ikollna qasam tas-saħħa worldclass f’Għawdex u f’Malta.
L-Oppożizzjoni ħalliet warajha stennija esaġerata għall-operazzjonijiet, pazjenti bla dinjità fil-kurituri, u mediċini out of stock. Fuq kollox, ir-riżultat tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien St Luke’s magħluq u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’livelli ta’ pajjiż tat-tielet dinja.
Dan il-Gvern huwa differenti u qed iwettaq il-bidla li wiegħed. B’ħidma mal-privat u b’investiment ta’ €200 miljun, tliet sptarijiet li tħallew jitmermru taħt il-Partit Nazzjonalista, se jingħataw ħajja ġdida u kull pazjent se jibda jingħata l-aqwa kura, f’post adattat, fl-inqas ħin possibbli u din il-kura se tibqa’ b’xejn.