L-għada li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li Adrian Delia għamlu kelliem għall-ġustizzja, fetaħ kwerela kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier Jeffrey Curmi u ħdax-il suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mar Ħal Far biex jieħu r-ritratti mal-Armata.
Miegħu kellu lil Beppe Fenech Adami, persuna li huwa wkoll ħobża u sikkina ma’ Jason Azzopardi.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz tal-kelliem għall-ġustizzja, Jason Azzopardi, flimkien mal-għaqda Repubblika qed jakkużaw lil Prim Ministru, lil Brigadier u ħdax-il membru tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 bi qtil volontarju fuq immigranti.
Din l-akkuża ġġorr piena ta’ għomor il-ħabs.
Fi stqarrija lil mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru qal li huwa ddispjaċut għat-talba t’għomor il-ħabs ġejja mill-Oppożizzjoni mmexxija minn Adrian Delia fuq nies bħas-suldati li qed iservu lil pajjiżna.
Il-Prim Ministru stqarr: “Flok sellimnielhom ta’ kemm issugraw ħajjithom għalina, anke mijiet ta’ mili ‘l bogħod minn xtutna, hemm min irid jixħithom il-ħabs. Dispjaċut għaliex bl-azzjoni li wettqu l-Onorevoli Azzopardi u Repubblika se jkomplu jnaqqsu mir-riżorsi limitati li bħalissa għandna fuq il-baħar u jaqtgħu qalb il-forzi tal-ordni. F’mument fejn kulħadd huwa ffukkat biex naħdmu kemm nifilħu biex nibżgħu għas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Dan is-sentiment kien immanifestat minn bosta Maltin li wrew solidarjetà mal-Prim Ministru u l-armata.
Ġiet innutat ukoll li bl-akkuża tal-Oppożizzjoni, ġejja mill-kelliem tagħha għall-ġustizzja, se jonqsu r-riżorsi tal-Forzi Armati ta’ Malta li jinsabu għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn waqt l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Prim Ministru sostna: “Lil min irid jibgħatna l-ħabs ngħidulu li se nibqgħu naħdmu biex nipproteġu saħħet il-poplu Malti u Għawdxi, inkluż ta’ min għamel din l-akkuża fuqna.”
B’kuraġġ u seren, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkompli jieħu d-deċiżjonijiet favur saħħet l-umanità.
Huwa saħaq: “L-imħabba li għandna lejn il-poplu Malti u Għawdxi u lejn pajjiżna hi kbira wisq biex inċedu f’mument tant importanti fejn pajjiżna qed isejħilna.”
Intant il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li pajjiżna għamel dak kollu possibbli, anki fil-limitazzjoni taċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika biex isalva l-ħajjiet.
Tenna li ebda tfixkil mhu se jbiddel il-pożizzjoni ċara li ħa l-Gvern fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-għaqda Repubblika marret quddiem il-Qorti Ewropea biex Malta u l-Italja jiftħu l-portijiet tagħhom u jibdew jilqgħu l-immigranti.
Huwa saħaq iżda li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea ċaħdet din t-talba.