Fi stqarrija l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, qal li llum l-Oppożizzjoni ddikjarat li trid tibqa’ tuża l-impjanti antiki ta’ Delimara li jaħdmu bl-HFO u li jniġġsu. Dan ifisser qtugħ ta’ dawl kontinwu, dipendenza fuq l-HFO u kontijiet tad-dawl u l-ilma iktar għoljin.
Intqal kif dan il-Gvern qed jaħdem biex bħal ma għalaq il-powerstation l-antika tal-Marsa wara 25 sena ta’ wegħdiet minn GvernijietNazzjonalisti, jagħlaq ukoll iċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara.
L-istqarrija tgħid li huwa permezz tal-qalba għall-gass li jistgħu jingħalqu l-impjanti antiki. Huwa wkoll permezz t’hekk li ser ikun hemm tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet u fit-trab fl-arja.
“L-Oppożizzjoni ma tistax titwemmen dwar il-qasam tal-Enerġija għaliex meta kellha ċ-ċans mhux biss ma raħħsitx il-kontijiet u qaltilna li rridu nidrawhom għoljin iżda għażlet li tmur għall-iktar żejt li jniġġes” kompliet tgħid l-istqarrija.
Il-Ministru Mizzi qal li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma sar fuq pjan ta’ seba’ snin permezz tal-impjant il-ġdid li jaħdem bil-gass u bil-pjan li l-Enemalta terġa’ lura fuq saqajha.
Temm jgħid li l-Oppożizzjoni llum kompliet turi wkoll kemm tkejjel b’xibirha meta tipprova tagħmel allegazzjonijiet infondati dwar korruzzjoni. Il-Korruzzjoni kienet fil-commissions mix-xiri taż-żejt.