Stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li l-Ministru Evarist Bartolo ordna li issir investigazzjoni mal-ewwel meta fl-aħħar ta’ Awwissu rċieva allegazzjonijiet dwar korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.
Il-Ministru ordna wkoll lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni jtemm ix-xogħol tal-persuna imsemmija minn mal-Fondazzjoni. Il-persuna imsemmija ma tistax tiġi sospiża qabel akkuża formali. Il-Ministru Bartolo ma qgħadx jistenna l-akkuża formali u neħħa lil din il-persuna minn kull xogħol mal-Ministeru u l-Ministru ħa dawn il-passi xahrejn qabel l-istorja dehret f’ġurnal lokali.
Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li ordna l-Ministru Bartolo, huwa ordna lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni biex imur għand il-Pulizija bl-allegazzjonijiet. Il-Ministru Bartolo talab ukoll lill-Pulizija tinvestiga.
L-istqarrija kompliet tgħid li meta s-Sur Philip Rizzo informa lill-Ministru Bartolo li ser jirriżenja, bħala raġuni huwa ma semmiex l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni iżda nuqqas ta’ qbil maċ-Chairman tal-fondazzjoni dwar ħinijiet ta’ tindif tal-uffiċini.