Aktar minn xahar wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se titwaqqaf l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni sabiex tirregola dan is-settur, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha ma resqitx ‘l quddiem persuna biex f’isimha tkun membru fuq il-bord ta’ din l-Awtorità.
It-Tnejn filgħaxija fuq il-programm Realtà ma’ Brian Handsford, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia għal darb’oħra, kif għamel fi drabi oħra, stieden u talab lill-Opożizzjoni sabiex tinnomina isem.
Qal kif, “Qegħdin ngħidu li din l-Awtorità ħa jkollha kompetenzi ċari u hawnekk nitlob ukoll lill-opożizzjoni biex dak li għamilt tlett ġimgħat ilu illi tlabt l-oppożizzjoni biex tinnomina persuna biex jien bħala Ministru nkun nista’ naħtru f’dan il-bord iġifieri biex tara t-trasparenza tagħna fejn ngħidu l-oppożizzjoni tuna isem wieġed ta’ persuna tal-fiduċja tagħkom u nkun nista’ naħtara f’dan il-bord.”
Fl-għoxrin ta’ Jannar li għadda fil-Parlament il-Prim Ministru kien qal li ta direzzjoni sabiex l-Oppożizzjoni tinnomina wieħed mill-membri li se jpoġġu fuq il-bord ta’ din l-Awtorità ġdida biex din ukoll tkun parti minn dan il-proċess trasparenti.
Fuq il-paġna uffiċjali tiegħu ta’ facebook il-Ministru Farrugia saħaq li jħoss li l-Oppożizzjoni mhix tikkopera biżżejjed biex mill-iktar fis jingħalaq il-proċess li permezz tiegħu se nġibu l-bidla li rridu nġibu fis-settur tal-kostruzzjoni.
Hawnhekk huwa appella wkoll lillOpożizzjoni ta’ Bernard Grech biex tara li tkun disponibbli biex jitlaqqa’ l-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi u jintemm il-proċess li għandu jsir biex titwaqqaf l-awtorità l-ġdida li tirregola s-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru tenna li dan hu suġġett fejn irridu naħdmu flimkien u fejn irridu nuru rieda li niddeċiedu.