Il-Kummissarju tad-Dipartiment tat-Taxxa Marvin Gaerty se jkun qed jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler fuq Rosianne Cutajar.
Dan skont rakkomandazzjoni tal-Ispeaker u li magħha qablu ż-żewġ Deputati tal-Gvern membri f’dan il-Kumitat, il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield.
Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni vvutat kontra permezz tad-Deputati Nazzjonalisti membri f’dan il-Kumitat, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.
Bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma kienx hemm qbil dwar min għandu jitla’ jixhed dwar ir-rapport ta’ Hyzler fuq Rosianne Cutajar.
In-naħa tal-Gvern qablet li waqt id-diskussjoni tar-rapport ta’ George Hyzler għandu jitla’ jixhed il-Kummissarju tat-Taxxa iżda l-Oppożizzjoni ma riditx dan u riedet li jerġgħu jitilgħu jixhdu persuni oħra li diġà xehdu quddiem Hyzler.
F’waħda mil-laqgħat preċedenti ta’ dan il-Kumitat, tela’ quddiem l-istess Kumitat, George Hyzler li qal li mhux ċert li Rosianne Cutajar ħadet flus f’senserija dwar xiri ta’ proprjetà fl-Imdina minn Yorgen Fenech.
Meta kien mistoqsi mill-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, Hyzler tkellem fuq probabbiltà u mhux ċertezza.
Fl-aħħar jiem ukoll, Charles Farrugia kiteb lill-Ispeaker fejn iddikjara li kien hu li ħa l-flus f’senserija u mhux Rosianne Cutajar.
Intant fil-laqgħa tal-Ħamis filgħodu qam battibekk min-naħa tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina wara l-vot tal-Ispeaker.