F’konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin ilu, l-Oppożizzjoni bdiet titkaża b’dawk li sejħet risposti studjati.
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija ftit ħin wara li l-Partit Nazzjonalista għamel konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru ta’ Byron Camilleri.
F’din l-istqarrija intqal li kien ikun aħjar li l-Oppożizzjoni tkażat b’politiċi bħall-kelliema tagħha li jgħidu ħafna mingħajr ma jistudjaw xejn, bħal ma’ deher ċar li għamlu llum Darren Carabott u Claudette Buttigieg.
“Għax huma dawn it-tip ta’ politiċi, li ma jistgħux ikunu fdati bit-tmexxija tal-pajjiż,” kompliet tgħid l-istqarrija.
Il-Partit Laburista qal ukoll li minflok, il-Ministru Byron Camilleri u l-Gvern Laburista implimentaw bidliet studjati li saħħew u ser ikomplu jsaħħu l-korpi dixxiplinati f’pajjiżna. Dan bil-fatti u t-twettiq ta’ iktar proposti konkreti u studjati, fosthom it-tisħiħ ta’ liġijiet għal min jagredixxi Pulizija, u mhux bir-retorika partiġġjana.