L-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet tkaxkar saqajha u qed twaqqaf il-proċess biex f’pajjiżna titwaqqaf Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, dan hekk kif sal-lum għadha ma ressqitx ‘l quddiem isem biex ikun ir-rappreżentant tagħha fuq din l-Awtorità.
Dan minbarra li d-deputati Nazzjonalisti fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi qed ikomplu jġebbdu l-proċess biex eventwalment iseħħ dan.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li nhar il-Ġimgħa li għaddiet il-membri tal-Gvern, tal-Oppożizzjoni, il-Kamra tal-Periti u anke l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi ltaqghu barra mill-Parlament u għamlu madwar sitt sigħat jiddiskutu klawsoli u definizzjonijiet ħalli meta jiġu għall-kumitat fil-jum tal-Erbgħa ma jkunx hemm dewmien.
Iżda, id-Deputati Nazzjonalisti fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi li saret fil-jum tal-Erbgħa, marret bħallikieku ma saritx il-laqgħa tal-ġimgħa u bdew jerġgħu jiddibattu dawn id-dettalji u fl-istess ħin jaħlu l-ħin.
Fl-għoxrin ta’ Jannar li għadda fil-Parlament il-Prim Ministru kien ħabbar li se titwaqqaf l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni sabiex tirregola dan is-settur u hawnhekk qal kif kien li ta direzzjoni sabiex l-Oppożizzjoni tinnomina wieħed mill-membri li se jpoġġu fuq il-bord ta’ din l-Awtorità ġdida biex din ukoll tkun parti minn dan il-proċess trasparenti.
Għal aktar minn darba il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia saħaq li jħoss li l-Oppożizzjoni mhix tikkopera biżżejjed biex mill-iktar fis jingħalaq il-proċess li permezz tiegħu se nġibu l-bidla meħtieġa fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fil-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Herman Schiavone, li huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar u l-Industrija tal-Kostruzzjoni, Kevin Cutajar, Joseph Ellis u anke Toni Bezzzina.