Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone nfexx jattakka u jirredikola r-riforma tal-mekkaniżmu ta’ rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fil-Parlament, li ppreżenta l-Gvern u li għaddiet liġi l-Erbgħa filgħaxija.
L-għada li hu u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ivvutaw favur din il-liġi, Schiavone wera kif l-Oppożizzjoni mhux tassew temmen f’din il-liġi li se tara li minn wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun hemm rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Fuq Facebook, Schiavone spiċċa jiżufjetta bil-liġi l-ġdida li għaddiet u qal li ma jeskludix li xi kandidat raġel, waqt li qed jissottometti n-nomina tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, jindika ġeneru differenti biex jiġi elett fil-Parlament.
B’reazzjoni għal dan il-kumment tal-Oppożizzjoni, il-Moviment għad-Drittijiet tal-Persuni Omosesswali, l-MGRM appella biex il-politiċi jieqfu jagħmlu kwistjoni ta’ persuni trans-sesswali inqas importanti.
Lil Schiavone, l-MGRM qallu li ma jgħin xejn li dan jagħmel kummenti transfobiċi fuq Facebook.
Il-Partit Laburista wkoll irreaġixxa għall-atteġjament tal-Oppożizzjoni u qal li l-kumment ta’ Hermann Schiavone, li wieħed jista’ jibdel il-ġeneru tiegħu sempliċiment biex ikun elett fil-Parlament mhuwa xejn għajr insult u prova ċara oħra ta’ Oppożizzjoni li mhux tassew temmen fir-riformi li qed isiru fil-pajjiż.
Il-Partit Laburista saħaq li l-kumment transfobiku ta’ Schiavone jixhed nuqqas ta’ apprezzament u sensittività għal kwistjonijiet li huma sensittivi.
Intqal li fuq kollox juri wkoll politiċi li ma jifhmux ir-realtà ta’ ħajjiet reali.
Il-Partit Laburista saħaq hekk kif għal darb’oħra qed tidher ċara d-differenza bejn min jaħdem b’konvinzjoni u l-konvenjenza tal-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech.
“Bħal fi drabi oħra riċenti l-Oppożizzjoni vvutat favur għax ma kelliex għażla u mhux għax trid”, temm jgħid il-Partit Laburista.