B’reazzjoni għall-konferenza li għamel il-Partit Nazzjonalista li matula kritika r-riforma li saret fil-liġi li tistabillixi l-Awtorità l-ġdida tal-Artijiet, is-Segretarjat Parlamentari għall-ippjanar u simplifikazzjoni amministrattiva stqarr li l-oppożizzjoni hija iżolata fin-negattività tagħha.
Is-Segretarjat sostna li l-Oppożizzjoni konstantament issemmi każijiet li juru biċ-ċar kif falliet is-sistema li ħalliet meta kienet fil-Gvern, u li fl-unika ċans li għandha biex tappoġġja bidla radikali, hija ddikjarat li se tkun qed tivvota kontra.
Vot kontra din is-sistema jfisser li l-Oppożizzjoni tippreferi s-sistema li ħalliet hi li kienet tagħti lok għall-abbużi u involviment dirett tal-politiku.
Dan il-Gvern qed ipoġġi fis-seħħ standards ogħla f’kull qasam tal-politika. B’hekk din il-liġi hi msejsa fuq il-prinċipji ta’ transparenza, kontabilità, governanza tajba u sistema ta’ checks and balances. Dan ġie rikonoxxut minn diversi nies ta’ fehmiet politiċi differenti.
Dan ifisser li l-Oppożizzjoni hija kontra liġi li tipproponi li jkun hemm Bord ta’ Gvernaturi li jieħu d-deċiżjonijiet li llum jieħu l-Ministru; hija kontra li jkun hemm uffiċjal Kap tal-Verifika bid-dritt illi jinvestiga, anke minn jeddu kull transazzjoni u bid-dover speċifiku li jinvestiga kull transazzjoni ‘il fuq minn mitt elf euro; kontra sistema aktar trasparenti u diġitalizzata li turi stampa ċara tal-propjetà tal-Gvern; u kontra sistema fejn iċ-ċittadin li jħossu aggravat b’deċiżjoni tal-Awtorità għandu dritt ta’ appell.