F’seduta mqanqla fil-Parlament, il-Ħamis filgħaxija, l-Oppożizzjoni pruvat tippolitiċizza l-imxija tal-coronavirus.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għal-laqgħa dwar ħidmet l-awtoritajiet b’rabta mal-coronavirus.
“Jiena fil-fatt hawn hekk nagħmel stedina lil Kap tal-Oppożizzjoni illi fid-diskussjonijiet li jkolli ta’ kuljum mal-kelliem tas-saħħa tal-Oppożizzjoni, mal-Onorevoli Spiteri, jingħaqad hu wkoll. Anzi jekk irid jiena ngħidlu llum, fis-sebgħa wara li jispiċċa s-seduta tal-Parlament niltaqgħu, jiena u hu u min irid iġib miegħu ħalli nispjegalu dak kollu li qegħdin nagħmlu flimkien”
Fil-Parlament, l-Oppożizzjoni riedet tibdel l-aġenda tas-seduta parlamentari, anki jekk it-Tlieta li għadda saret stqarrija Ministerjali fejn il-Gvern spjega dak kollu li qed isir biex is-sitwazzjoni tal-coronavirus tibqa’ taħt kontroll.
Chris Fearne: “Illi l-bieraħ lura fuq talba tiegħu stess iddiskutejna, serata sħiħa, hawn ġew, niddiskutu l-istess suġġett li qed titkellem fuqu inti. X’jiġifieri m’hu veru xejn.”
Anġlu Farrugia: “Jekk jogħġbok, ikkonkludi, ikkonkludi.”
Chris Fearne: “Ilbieraħ lura jiena għamilt, ilbieraħ lura jiena għamilt, issa ħu paċenzja.”
Wara li s-seduta tal-Kamra tar-Rappreżentanti ġiet sospiża, f’ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia, ma ntlaqgħetx it-talba tal-Oppożizzjoni.
Intant id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-Oppożizzjoni riedet tissospendi seduta li talab deputat minn tagħha stess.
“Illum il-Kap tal-Oppożizzjoni ried jissospendi l-aġenda tal-parlament meta ħa niddiskutu mozzjoni li ħa jagħmel, ħa jagħmel, mhux vera, ħa jagħmel il-kollega tiegħu, li kien il-persuna li kkontestah għal-leadership, għalhekk ried tissospendi llum.”